Razziżmu bla sens

Kien hemm ftit ta’ konfużjoni tal-ideat ġewwa l-Belt Valletta nhar it-Tnejn li għadda filgħaxija. Kien hemm żewġ manifestazzjonijiet maġenb xulxin, waħda bħala att ta’ solidarjetà minħabba qtil infami li ġara l-Amerika, u l-oħra bħala att ta’ protesta minħabba l-immigrazzjoni illegali. Aktarx biċċiet min-nies minn kull naħa kienet taqbel ma’ argumenti li kienu qed isiru n-naħa l-oħra. Għalfejn it-tnejn kienu qed jgħajtu kontra xulxin ma kienx ċar għal kollox.

Solidarjetà f’waqtha

Ħa nibdew bil-manifestazzjoni ta’ solidarjetà. Bħala saru bħalha u ħafna akbar minnha f’diversi bliet tad-dinja, fosthom Berlin, Pariġi, Madrid, Londra, Ruma, Nairobi, Hong Kong, Tokjo, San Paolo, Buenos Ajres u l-bqija, kontra l-qtil f’Minneapolis, l-Amerika, ta’ raġel iswed ta’ 46 sena, George Floyd, minn pulizija. Il-każ ġara fil-25 ta’ Mejju li għadda meta pulizija abjad partikulari kien qed jarresta lil Floyd minħabba karta falza ta’ 20 dollaru. Il-pulizija tela’ b’irkobbtu fuq għonq Floyd u għalxejn dan qallu li ma kienx qed jieħu nifs, għax il-pulizija laħaq qatlu.

Mill-ewwel, malli l-filmat tal-qtil ta’ Floyd infirex mad-dinja bil-mezzi soċjali, bdew protesti kontra l-brutalità tal-pulizija f’erba’ mitt belt tal-Amerika, imbagħad fi bliet ta’ aktar minn ħamsin pajjiż tad-dinja f’kull kontinent. Fl-Amerika l-kampanja ta’ protesta ssemmiet “Black Lives Matter” (Il-ħajja tas-suwed tgħodd ukoll) u wkoll, b’eku tal-aħħar kliem li jinstama fil-filmat ta’ Floyd qabel miet, “I Can’t Breathe” (Ma nistax nieħu nifs).

Il-manifestazzjoni mdaqqsa li kien hemm il-Belt nhar it-Tnejn li għadda filgħaxija kienet twieġeb għal dak li ġara fl-Amerika u madwar id-dinja l-ġimgħa ta’ qabel, imma fuq kollox bħala stqarrija ta’ twemmin li l-ħajja tas-suwed tgħodd u hi prezzjuża daqs kull ħajja oħra, u li ħadd m’għandu qatt jikkalpestaha. Il-ħdura kontra s-suwed fid-dinja kollha hi skandlu tal-umanità.

Att t’injoranza

Jidhirli li m’għandu jkun hawn ħadd fid-dinja, inkluż l-aktar razzist aħrax, li ma jaqbilx li l-qtil ta’ George Floyd jew ta’ ħafna u ħafna oħrajn bħalu, inkluż f’pajjiżna, hija ħażina. Jidhirli li m’għandu jkun hawn ħadd fid-dinja, inkluż l-aktar razzist aħrax, li ma jaqbilx li l-ħajja tas-suwed tgħodd daqs ta’ kulħadd. Jidhirli li dan huwa ċar u tond.

Mela għalfejn, nhar it-Tnejn li għadda filgħaxija fil-Belt, kien hemm il-manifestazzjoni kontra l-“immigrazzjoni illegali”, kif isejħulha, fl-istess ħin tal-manifestazzjoni l-oħra? Kien hemm xi ħadd minn tal-kontro-manifestazzjoni, biex insejħilha hekk, li qabel li Floyd kellu jmut? Jew li s-suwed għandhom xi ħajja tiswa’ anqas minn ta’ ħaddieħor? Ma naħsibx, hux? Mela x’kien il-punt?

Mhux biss naħseb li ma kien hemm ebda punt x’isir, imma jidhirli wkoll li kien tassew att t’injoranza li tagħmel protesta kontra l-“immigrazzjoni illegali” meta għandek manifestazzjoni li qed tibki l-qtil inġust u brutali minn pulizija ta’ ċittadin. Kien min kien iċ-ċittadin. Kien min kien il-pulizija. Il-vjolenza istituzzjonali ma hi qatt, qatt, qatt favur ħadd miċ-ċittadini, inkluż dawk stess li għamlu l-kontro-manifestazzjoni, u nkluż il-pulizija li qatel li Floyd.

Iridu jwaqqfu l-ħin

Dan apparti l-fatt li, fil-fehma tiegħu, kull tip ta’ razziżmu ma jagħmilx sens. Dan ma jfissirx li r-razziżmu mhuwiex kapaċi jagħmel argumenti qawwija u b’saħħithom. Imma jidhirli li qatt ma huma loġiċi jew razzjonali. Ir-razziżmu, hu ta’ liema għamla hu, hu dejjem fl-aħħar mill-aħħar bla sens. Ir-razziżmu jħaddan fih innifsu l-kontradizzjoni li teqirdu.

Ħafna jridu jwaqqfu l-ħin u jixtiequ li d-dinja tieqaf iddur. Ħafna mir-razzisti għandhom minn dan. Ħafna nies fil-korpi tal-ordni għandhom minn dan. Imma, jaħasra, mhuwiex possibbli. Dawn iridu xi darba jitgħallmu li d-dinja hi ta’ kulħadd; li kulħadd għandu l-istess dritt li jgħix taħt il-kappa tax-xemx; li ħadd m’għandu pussess ta’ xejn fid-dinja.

Mhux li kien qatt ma jkun hawn aktar bħal George Floyd! Mhux li kien!



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?