Il-ħajja tal-Internet

Waqt li għal xi wħud l-Internet lanqas biss jeżisti, għal ħafna oħrajn il-ħajja li jgħixu bl-Internet saret ir-realtà. Għal dawn tal-aħħar donnu l-ħajja ta’ barra l-Internet m’għandhiex sustanza. Ħafna drabi jsibuha ta’ dwejjaq, bla interess, nieqsa mir-rispett. L-Internet għalihom huwa l-post ideali ta’ fejn jistgħu jaħarbu u jkunu kuntenti.

Realtà virtuża

Meta l-Internet beda mal-erbgħin sena ilu, aktarx ħadd ma kien jobsor kemm kien se jsir importanti għall-umanità; ħadd aktarx ma seta jipprevedi li kien se jsir essenzjali għal ħafna bnedmin. Illum xi wħud mhux biss ma jafux aktar jgħixu mingħajr l-Internet, imma saħansitra l-Internet sar aktar minn biċċa importanti ta’ ħajjithom.

L-Internet huwa sistema t’infinità t’universi li xi wħud iħossuhom aktar komdi fih milli ’l barra jew maqtugħa minnu. Il-post tiegħu fil-ħajja tagħhom mhuwiex sempliċiment xi żieda. Sar hekk essenzjali, hekk fundamentali, li tista’ tgħid li sar, hu nnifsu, il-ħajja. B’dan il-mod, issib u tisma’ b’xi wħud illum li jiffunzjonaw biss fl-Internet; ’il barra minnhom, mhux biss iħossuhom mitlufin, imma lanqas iħossuhom persuni.

Għal nies bħal dawn, li jista’ jkun l-għadd tagħhom huwa dejjem jiżdied u jinfirex, ir-realtà tal-Internet m’għadhiex aktar virtwali. Saret realtà virtuża. Il-ħajja ta’ barra l-Internet lanqas biss baqgħalha realtà, la virtwali u lanqas virtuża. Anzi, għalihom saret realtà ineffettiva u vizzjuża.

Ħarbu u mhux

L-Internet joffri ħarba għal ħafna nies. Dan mhuwiex neċessarjament ħażin. Ħadd ma qal li r-realtà tad-dinja materjali bilfors trid tkun il-post fejn jgħixu n-nies. Jekk in-nies ma jħossuhomx komdi f’din ir-realtà, u jsibu ħafna modi kif, fi ħdan l-istess realtà materjali, jaħarbu, għala m’għandhux ma jkunx hemm ħarbiet oħrajn, aħjar, fejn wieħed jew waħda jħallu d-dinja materjali warajhom.

Il-ħarba tal-Internet, jekk tassew hi ħarba, tista’ tkun bil-wisq aħjar, aktar sigura, aktar interessanti, mill-ħrib kollu li jeżisti fid-dinja u fil-ħajja tal-bnedmin. Fl-Internet wieħed jew waħda jistgħu, ngħidu aħna, iweġġgħu anqas, u jistgħu wkoll, jekk iridu, iweġġgħu ħafna anqas nies. L-Internet, tassew, jista’ jkun dinja ta’ solitudni. Imma b’daqshekk ma jagħmlux agħar jew aħjar minn ħarbiet oħra.

Għal xi wħud, l-Internet lanqas ħarba m’hu. Anzi, bil-kontra. Huwa l-post fejn isibu lilhom infushom; il-post fejn iħossuhom persuni b’ċerta dinjità u rispett. Għal dawn, id-dinja materjali u fi#ika ħafna drabi hi hekk qalila u krudili li l-Internet f’paragun jidher qisu ġenna fuq l-art.

Ir-rispett

Aktarx ebda ħarba li nagħmlu mill-eżistenza materjali tagħna ma hi tajba. Il-bniedem li jaħrab huwa wieħed li ma jistax jiffaċċja s-sitwazzjonijiet tiegħu. Imma x’jagħmel bniedem meta dawk is-sitwazzjonijiet ma jistgħu jirrisolvu ruħhom qatt? X’jista’ jagħmel bniedem meta jrid ta’ bilfors jibqa’ ffaċċjat bit-tbatija, l-umiljazzjoni u d-dwejjaq?

Huwa faċli għal kulħadd li jgħid li l-ħarba mill-ħajja hi ħażina. Imma meta tkun l-uniku mod kif wieħed jew waħda jistgħu jgħixu; l-uniku mod kif wieħed jew waħda jistgħu jerġgħu jsibu lilhom nnifushom; l-uniku mod li wieħed jew waħda jistgħu jieħdu n-nifs, allura x’jibqa’ ħażina fih? Il-bniedem li jrid jgħix ma jagħmilx ħażin li jsib kif jgħix.

L-Internet sar id-dinja ta’ xi wħud. Sar ħajjithom. Sar ir-realtà tagħhom. Apparti kull kunsiderazzjoni morali jew etika f’dan kollu, dan irridu nirrikonoxxuh u naċċettawh bħala stat ta’ fatt. F’dik id-dinja, f’dik ir-realtà virtwali, jgħixu n-nies, il-persuni, u dawn, kollha kemm huma, jistħoqqilhom ir-rispett ta’ kulħadd.

Tiegħi għandhom ir-rispett żgur.


Add caption

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?