Il-politika tal-konfront

Aħna m’aħniex imdorrijin b’politika mod ieħor. Hija l-għamla ta’ politika li għallmuna l-Ingliżi u bqajna biha. Qatt, safejn naf jien, ma qatt kien hemm xi ħadd li pprova jibdilha. Tħobbha jew tobgħodha, il-politika tal-konfront kienet u għadha s-sura tal-politika tagħna. Minnha saħansita għamilna arti.

Varjazzjoni apparenti

Kull għamla ta’ politika fil-Gżejjer Maltin tidher li tvarja, imma fil-fatt hi l-istess. Il-kontenut jinbidel, ovvjament, imma mhux is-sura, u aktar lanqas l-istruttura. Din tal-aħħar tirreferi għal kif norganizzaw il-ħsieb u d-diskors politiku tagħna. Imma ħa nħallina minn dan għalissa. Huwa fuq l-għamla u s-sura li nixtieq nitkellem hawnhekk.

Dawn jirreferu għall-mod ta’ kif issir il-politika. Aħna aktarx naraw ħafna tipi ta’ attività politika, bħal dik fi ħdan il-partiti, dik ta’ bejniethom, dik fuq livell aktar elementari fir-relazzjonijiet ta’ bejn in-nies, u l-bqija. Il-politika hija d-diskors ta’ kif se ngħixu flimkien kuntenti t-tnejn jew aktar. Hija l-arti tal-konvivenza; l-arti tal-għajxien komuni.

Minkejja l-varjazzjoni li naraw f’dan kollu, aħna dejjem nagħtu sura waħda lill-mod kif nagħmlu l-politika. Hija l-għamla tal-konfrontazzjoni. Innota l-forom ta’ politika ta’ madwarek, bejn il-partiti, fi ħdanhom, bejn il-ġirien, fil-familji. Dejjem tara l-istess ħaġa meta niġu biex niddiskutu xi ftit l-għajxien ta’ bejnietna; dejjem tara l-konfrontazzjoni.

Mhijiex sabiħa

Għalina m’hemmx għamla oħra ta’ politika. Dejjem nikkonfrontaw lil xulxin. Jekk xi ħadd jgħidilna li hemm mod ieħor, jew ħafna modi oħrajn, ta’ kif issir il-politika, bil-kemm kemm inkunu nistgħu nifhmu dak li jkun qed jgħid. Xi wħud lanqas jimmaġinaw mod ieħor ta’ politika ma jistgħu.

L-Ingliżi, ukoll bil-mod pulit, kalm u edukat tagħhom, hekk jagħmlu l-politika wkoll. Bil-konfrontazzjoni. Tagħna tagħti fil-għajn aktar għax aktar sħan u nitbaqbqu biex nirraġunaw u nargumentaw; l-Ingliżi le, jibqgħulek kalmi. Aħna l-konfrontazzjonijiet tagħna jkun fihom ħafna trikkitrakki u ġigġifogi; għax aħna Mediterranji, demmna sħun.

Il-fatt jibqa’ li l-għamla tal-politika li għallmuna n-nies kalmi tan-nord hija dik li nikkonfrontaw lil xulxin. Ma jeżistix ftehim, ngħidu aħna, jew koordinazzjoni, konvivenza jew kooperazzjoni t’ideat; ma jeżistix paralleliżmu fid-djalogu; ma jeżistix tmiem miftuħ. Jeżisti biss, dejjem, il-konfrontazzjoni. Jekk ma jkunx hekk, ma nafux niddibattu u niddjalogaw.

Nirbħulha

Din narah saħta. Il-konfrontazzjoni, ukoll meta tkun kollha etikett, bħal tal-Ingliżi, ukoll ma togħġobnix. Għax tfisser li l-pożizzjonijiet tagħna jridu jkunu dejjem kontrarji, dejjem kontra xulxin, dejjem f’konfront. Dan iwassal għal ħafna ġlied, għax xi naħa trid tirbaħ u l-oħra titlef. Il-konfront iġib in-nies biex jitqabdu kontra xulxin; qatt biex jiftiehmu.

Minkejja li l-konfrontazzjoni ddejjaqni, għax naraha ma tirrispettax la lill-persuni u lanqas lill-ideat, xorta waħda jkolli nammetti li jien stess għandi minn din it-tendenza nazzjonali li nikkonfronta. Dis-saħta donnu ħadd minna ma jista’ jeħles minnha kif ġieb u laħaq. Dejjem irridu nikkonfrontaw, jew insibu lil min jikkonfrontana. Leħinna stess, it-terminoloġija tagħna, kif ukoll il-lingwaġġ ta’ ġisimna, kollu ġie addattat għal dis-sura ta’ politika.

Huwa diffiċli ferm li l-konfrontazzjoni żżommha fi ħdan il-limiti li jixirqulha. Ġeneralment, aktar tispiċċa biex iġġelled milli biex tirranġa; aktar biex tifred milli biex tgħaqqad. Huwa ferm aktar diffiċli li nies li drawha sew jgħixu mingħajrha.

Madanakollu, mhuwiex impossibbli. Il-politika tal-konfront nistgħu, iva nistgħu, nirbħulha.


Add caption

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?