It-tellieqa Amerikana

Fil-ġimgħat li għaddew telqet it-tellieqa aħħarija fl-Istati Uniti tal-Amerika għall-ħatra tal-president tal-pajjiż fil-bidu ta’ Novembru li ġej. Dit-tellieqa hi dejjem affaxxinanti għal min iħobb isegwiha. Fiha l-eċċitament tal-Formul 1 jew iċ-Champions League, bid-differenza li r-rebbieħ jispiċċa jmexxi għal erba’ snin l-aktar pajjiż b’saħħtu li qatt deher fid-dinja.

Bniedem tal-mument

Ħobbni jew obgħodni, fil-fehma tiegħi d-Demokratiċi m’għandhomx biex jikkompetu lil Donald Trump, il-president attwali tal-Amerika u l-kandidat ewlieni tal-Partit Repubblikan. L-għażla ta’ Joe Biden min-naħa tal-Partit Demokratiku, dak li kien il-viċi-president ta’ Obama, setgħet kienet l-aħjar waħda fiċ-ċirkustanzi, ukoll jekk mhux l-aktar interessanti (bħalma kienet tkun ta’ Bernie Sanders), imma xorta waħda ma jlaħħaqx ma’ Trump.

Ma kienx faċli li d-Demokratiċi joħorġu b’xi ħadd li jista’ jħabbatha ma’ Trump. Mhux għax Trump neċessarjament hu aktar intelliġenti jew aktar kompetenti minn Biden. Jew għax kapaċi jagħmilha ta’ president aktar minnu. Xejn minn dan. Trump hu aħjar għax huwa Trump.

Li rrid ngħid b’dan hu li Trump għandu kapaċità tal-għaġeb li jiġbed is-simpatija popolari. Dan għandu jfisser li hu l-aqwa bniedem tal-mument. Il-mument jista’ jkun frivolu, vojt, baxx, bla sens, u l-bqija, kemm trid. Hu x’inhu, jibqa’ l-mument. U dal-mument Trump jaf jirkbu, jaħdmu u jirbaħlu. Għalhekk Biden ma jagħmel xejn kontra Trump, għax, bħal ħafna nies ta’ ċertu kalibru u integrità, flok jiżfnu mal-mument, jiġġildulu. U min jiġġilidlu, jitlef. Bħalma se jagħmel Biden.

Trump b’saħħtu

Dejjem hu diffiċli fl-Amerika li president jitneħħa wara biss perjodu wieħed ta’ erba’ snin sakemm ma jkunx hemm tabilħaqq ċirkustanzi straordinarji li jpinġuh pesta mal-elettorat. Dawn iċ-ċirkustanzi ma jeżistux bħalissa. Il-biċċa l-kbira ta’ dak li Trump wieħed erba’ snin ilu, wettaqhom. Kelmtu żammha. U dan jidher sabiħ quddiem kull elettorat.

Ukoll, Trump ma ħoloqx kriżijiet b’politika ta’ fallimenti li joskurawh mal-pubbliku. Anzi, bil-kontra. L-isforzi kollha, onesi u mhux, li għamlu d-Demokratiċi biex joskurawh, iħammġuh, iżebbilħuh u jwaqqgħulu ġieħu, mhux talli ma naqqsulux il-popolarità, talli naħseb li żiduhielu. Trump ħarġuh bħal wieħed ippersegwitat għalxejn, u dan lil ħadd ma jogħġob.

Il-problema tad-Demokratiċi f’dan kollu mhijiex sempliċiment waħda ideoloġika. Hija waħda strateġika u tattika. Ħasbu li lil Trump jistgħu jaqilbuh minn fuq it-tron kif ġieb u laħaq, u għarralhom. Kienu huma li dehru koroh; huma li dehru maħmuġa; huma li mhumiex kapaċi jmexxu.

Erba’ snin oħra

Il-Konvenzjoni Nazzjonali tad-Demokratiċi ġimgħatejn ilu kienet waħda interessanti ħafna għax, minħabba l-imxija, kienet virtwali kollha kemm hi. Minkejja l-isforz tagħhom, però, Trump iddistruġġiha fi ftit kliem. “Kienet l-aktar konvenzjoni negattiva u rrabjata tal-istorja,” qal, u aktarx kellu raġun. Lanqas ħaqq il-miljuni ta’ dollori li nefqu fuq teknoloġija u x’naf jien (li kien ‘first class’)!

Trump, insomma, jerġa’ jirbaħ. U ngħid jien: jerġa’ jirbaħ aħjar milli rebaħ erba’ snin ilu. Ukoll jekk dan ma jogħġobx lil miljuni ta’ nies f’Amerika u madwar id-dinja, wieħed m’għandux jinsa li għandu l-miljuni fl-Amerika li jħobbuh u jriduh president. Ma jistax ikun li dawn kollha huma boloh jew storduti. Fih jaraw xi ħaġa; għalhekk jerġgħu jafdawlu l-pajjiż f’idejh.

Mill-bqija, id-dinja tista’ biss toqgħod tħares, u, jekk bniedem ikun ta’ xejra Demokratika, allura joqgħod jinħaraq. Imma żmien Trump, ngħid jien, għadu m’għaddiex. Minkejja t-tellieqa mhijiex se tkun ħafifa għalih, xorta waħda ma naħsibx li se jitlifha.

Trump jerġa’ jagħmel erba’ snin oħra.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?