L-Artiku mhedded

Waqt li dil-ġimgħa saret fl-Istati Uniti tal-Amerika l-Konvenzjoni Nazzjonali tal-parti Demokratiku, u l-ġimgħa li ġejja se ssir dik tal-partit Repubblikan, bi tħejjija għall-elezzjoni f’Novembru li ġej, l-Artiku, wirt l-umanità, jinsab mhedded mill-amministrazzjoni tal-President Trump.

Santwarju imprezzabbli

Il-President Repubblikan tal-Istati Uniti tal-Amerika, Donald Trump, jinsab tant ċert li se jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’Novembru li ġej li lanqas biss jindenja ruħu jżomm daqsxejn lura ċerti deċiżjonijiet li jistgħu ma jkunu popolari xejn. Aktar waħda minn tal-aħħar hija t-tbagħbis f’santwarju naturali nazzjonali fl-Artiku, fit-tramuntana tal-Alaska.

Das-santwarju huwa 247 darba akbar mill-Gżejjer Maltin. Iġib aktar minn 78 elf kilometru kwadrat (kważi 20 elf tomna). Hu żona ta’ ġmiel naturali impressjonanti. Fih mhux biss jgħixu eluf ta’ speċi ta’ annimali, żgħar u kbar, imma komunitajiet żgħar ta’ nies ukoll. Is-santwarju hu għani b’riżorsi naturali, speċjalment gass u żejt, li xi wħud dejjem mikluba biex jisfruttaw.

Is-santwarju hu parti żgħira ħafna tal-istat ta’ Alaska. Iġib anqas minn 5% tal-Alaska kollu. Madanakollu, l-għana naturali li jingħad li fih hija bla paragun. Fil-qrib, fil-Bajja ta’ Prudhoe, diġà jeżisti kumpless bla qies ta’ ħaffiera taż-żejt. Dawn ifornu miljuni ta’ galluni ta’ żejt permezz tas-sistema ta’ pajpijiet li taqsam it-tul tal-Alaska.

Passi lura ta’ Trump

Bħallikieku dan mhux biżżejjed⸻għax qatt m’hu biżżejjed għall-wikkiela⸻ilha ħafna ssir pressjoni biex il-gvern jagħti l-permessi meħtieġa ħalli jsir ukoll tħaffir għaż-żejt fil-parti riservata għas-santwarju naturali f’post imsejjaħ “Żona 1002”. Dal-permess qatt ma ngħata. Issa, però, jista’ jinbidel kollox.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-amministrazzjoni tal-President Trump ġabet fi tmiemha l-pjan tagħha li tiftaħ għall-iżvilupp taż-żejt u l-gass parti mis-Santwarju Naturali Nazzjonali Artiku fit-tramuntana tal-Alaska. B’did-deċiżjoni, Trump ġab fi tmiemhom sittin sena ta’ politika projbizzjonista uffiċċjali li żammet lura sfruttament bħal dan. Huwa qed jirtira mal-mitt regola ambjentalista li jħarsu l-abjent naturali ta’ dawk l-inħawi.

Waqt li diġà fl-Amerika bdew il-protesti, li huma mistennija joktru u jikbru, id-Dipartiment tal-Intern ħabbar li kien lesta l-istħarriġ kollu li tqabbad jagħmel u ta bidu għat-tħejjijiet sabiex jilqa’ l-applikazzjonijiet għat-tħaffir f’parti partikulari ta’ Żona 1002. Is-Segretarju tal-Intern assigura li għandu jkun hemm kirja għat-tħaffir sal-aħħar tas-sena.

Oppożizzjoni

Dan jekk Trump jerġa’ jitla’ President. Jekk le, jekk jirbħu d-Demokratiċi, did-deċiżjoni li l-art verġni fit-tramuntana tal-Alaska titreġġa’ lura u ebda tħaffir ma jsir. Dil-prospettiva mhijiex xi waħda ċerta. Trump kapaċi jerġa’ fil-fatt jiġi elett, jekk mhux għal did-deċiżjoni, għal ħafna oħrajn. Dan ikun ifisser sfreġju mill-kbar għas-santwarju naturali nazzjonali Artiku.

Il-prospettiva tat-tħaffir f’dawk l-artijiet il-bogħod, jassigurawna organizzazzjonijiet f’għajnejhom u ħajjithom fuq il-post, ikun ifisser qerda kbira għall-ambjent naturali, ukoll jekk ma jkun hemm ebda inċidenti ta’ tifrix ta’ gass jew żejt. Dawn l-inċidenti, però, ħadd ma jista’ jeskudihom mija fil-mija. Il-fatt jibqa’ li eluf ta’ speċi u miljuni ta’ annimali li jgħixu hemmhekk qed jiġu mhedda serjament.

Filwaqt li issa bdew gżuż ta’ petizzjonijiet internazzjonali lill-gvern ta’ Trump biex iwaqqaf dal-iżvilupp, se jibdew ukoll ġlidiet legali biex jisfidaw id-deċiżjoni ta’ Trump. Il-petizzjonijiet tista’ tfittixhom fuq l-Internet f’www.change.org jew f’siti oħrajn u tiffirmahom int ukoll.

Mill-bqija, nixtiequ ħafna li did-deċiżjoni jaħarbilha ż-żmien, bħalma nittamaw li jaħrab lil Trump f’Novembru li ġej.


Agħfas fuq il-mappa biex taċċessa petizzjoni li int tista' tiffirma. Grazzi.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?