Għaxra b’Għaxra


Nittama li ma kinetx biss l-imxija ta’ bħalissa li wasslet lill-Partit Laburista (PL) jibda jiċċelebra l-100 sena mit-twaqqif tiegħu mingħajr xinxilli u ġigġifogi żejda. Bil-kontra, l-inizzjattiva li xandar ftit tal-ġimgħat ilu li jibda jiċċelebrah b’għaxar gruppi ta’ diskussjoni, tidher li hija fiha nnifisha għażla għal ċelebrazzjonijiet b’xi ftit tal-kwalità dejjiema.

Ħsieb u azzjoni

F’nofs ix-xahar li għadda, id-Deputat Kap tal-PL għall-ħwejjeġ tal-partit, Daniel Micallef, ħabbar, flimkien ma’ għadd ta’ msieħba attivi, għaxar gruppi ta’ diskussjoni, imsejħa forum, biex jiffukaw fuq temi differenti tal-politika tal-partit għall-ġejjieni. Kull forum fih il-kkordinatur tiegħu li xogħolu hu li jlaqqa’ n-nies, jiġbor l-ideat, iħeġġeġ id-diskussjoni u, fl-aħħar, joħroġ b’għaxar proposti ewlenin.

Dawn l-għaxar proposti ewlenin ta’ kull wieħed mill-għaxar forum, ovvjavment, flimkien jiffurmaw mitt proposta, kważi kważi waħda għal kull sena li l-PL eżista fihom. Dawn jiġu diskussi fil-fażi ta’ wara ħalli bejniethom kollha jintlaħaq bilanċ u koordinament li jistgħu jservu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss fl-2022.

Nifhem li għal xi wħud li noqogħdu niddiskutu huwa ħela ta’ ħin. Il-politika hi dwar l-azzjoni mhux dwar il-paroli. Tabilħaqq. Mitt darba u elf. Imma ma tridx wisq biex tifhem li l-azzjoni politika ma tistax tiġix mill-ajru u, biex tirnexxi kif għandu jkun, teħtieġ ħafna ħsieb, studju u diskussjoni.

Taħseb int li Mintoff ma kienx jagħmel l-istudji tiegħu. U kif kien jagħmilhom! Imma mbagħad, naturalment, ma waqafx hemm. Baqa’ għaddej għall-azzjoni b’ġid il-pajjiż.

Żewġ problemi

L-azzjoni politika tas-snin li ġejjin għandha tkun maħsuba u mixtarra sew minħabba raġuni oħra. Minħabba li l-partit politiku alternattiv jista’, fi tmiem dax-xahar, tmur kif tmur il-lotterija, jibda jiġbor ġieħu. Jista’, mhux żgur. Jista’. Għax jista’ma jistax. Imma, jekk jista’, il-PL irid ikun lest b’pass ’il quddiem. Nifhem li b’dawn l-għaxra b’għaxar proposti xi ħaġa hekk se jsir.

Imma mhux biss. Fil-Gżejjer Maltin għandna t-tendenza li, meta partit politiku jitla’ fil-gvern, jinħolqu mill-anqas żewġ problemi strateġiċi li, trid jew ma tridx, jaffettwaw il-gvern innifsu. L-ewwel problema hi li ma tidhirx li teżisti biżżejjed f’Malta struttura statutorja li tagħmel differenza netta bejn il-partit fil-gvern u l-gvern tal-partit. Isiru donnhom ħaġa waħda. In-nies ta’ wieħed huma tal-ieħor. Dan ifaqqar kemm il-partit u kemm il-gvern.

It-tieni problema hi li, meta partit jitla’ fil-gvern, jixrob in-nies kollha ta’ ċerta kwalità li qabel, meta l-partit kien fl-oppożizzjoni, kienu jaħdmu f’isem il-partit. Hekk il-partit jixxotta mhux biss min-nies imma wkoll mill-idea u, agħar minn hekk, ma jibqax joffri s-servizz li suppost jagħti lill-gvern bil-kritika tiegħu.

Inizzjattiva tajba

Dan l-aħħar, id-Deputat Mexxej Daniel Micallef ġie rrappurtat li qal li l-PL illum ma jeżistix biss biex, bħal tim tal-futbol fi grawnd, il-gvern ma jiġix nieqes mill-appoġġ li jkollu meħtieġ. Jien ngħidlu wkoll li l-PL illum lanqas m’għandu jeżisti biss biex ikun timbru ta’ approvazzjoni għal kulma jagħmel il-gvern.

Naturalment, meta partit ikun fil-gvern, il-partit m’għandux jiġi qabel il-gvern. Imma lanqas m’għandu jisparixxi sakemm jerġa’ jiġi żmien l-oppożizzjoni. Il-partit, ukoll jekk ikollu nies minn ħdanu qegħdin imexxu l-amministrazzjoni tal-gvern, għandu jibqa’ jagħraf ir-rwli tiegħu ta’ instigatur tal-ideat, kritiku u, jekk ikun assolutament meħtieġ, dak li jsaffar is-suffara. Nafu biżżejjed x’jiġri meta dan jitwarrab.

L-inizzjattiva ta’Daniel Micallef, Miriam Dalli, Ramona Attard u gżuż ta’ nies oħra hija, fil-fehma tiegħi, mhux biss tajba imma wkoll meħtieġa. Żgur li, apparti kollox interessanti u eċċitanti li fiha, tista’ tagħti palata tajba lill-Prim Ministru Robert Abela fit-tmexxija tiegħu.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?