Id-dnub tal-buli


Spiss nisimgħu b’nies li jagħmluha tal-buli ma’ ħaddieħor. Minkejja dan, ma nisimgħux biżżejjed. Għandu mnejn li l-buli ilu jeżisti mill-għodwa tal-umanità, u jibqa’ jeżisti sal-għabex tagħha. Imma kien, hu u jibqa’ l-agħar xaqliba tan-natura tal-bniedem. Aktarx ħadd ma hu meħlus minn dad-dnub ikreh. Ħadd m’għandu jiġġilidlu b’kemm għandu saħħa.

Ikreh dejjem

Xi darba jew oħra, ilkoll xi ftit jew wisq għamilna tal-buli ma’ xi ħadd ieħor. Xi ftit jew wisq. Mhux it-tfal biss jagħmluha tal-buli, tafx. Il-kbar ukoll. Kulmin jitkessaħ ma’ xi ħadd ieħor, iġiegħel lil ħaddieħor jagħmel li ma jridx, jew jumiljah, ikasbru u jweġġagħlu qalbu ⸻ dawn kollha huma atti tal-buli fina.

Jien stess, nistqarr, kemm meta kont tifel l-iskola u kemm meta kbirt, nisħet is-siegħa u l-mument li waqgħajt f’dan id-dnub ikreh. Dan hu wieħed minn dawk id-dnubijiet li, minkejja l-indiema, qajla tista’ ssir riparazzjoni xierqa għalih. Għalhekk ma nafx kemm jista’ jinħafer.

Il-ħsara bla qies li jagħmel il-bnedem buli fuq il-vittmi tiegħu, hi ħsara dejjiema u profonda. Xi dmir kbir għandna lkoll, ilkoll, li dejjem inħarsu ’l ħaddieħor, żgħar jew kbar, mill-għemejjel koroh tal-buli, imma wkoll li ngħallmu li għemil il-buli hu dnub kbir u serju.

Ngħallmu dejjem

Kull min għandu xi pożizzjoni ta’ tagħlim għandu jgħallem lil ħaddieħor kontra d-dnub tal-buli. Ġenituri, għallmu lil uliedkom fuq dil-kruha. Nanniet, intom ukoll, tkellmu man-neputijiet tagħkom fuq dil-kruha. Saċerdoti, għalliema, edukaturi, nies ta’ influwenza fuq ħaddieħor, tkellmu, għallmu, għidu bla serħan kemm hu ikreh, kemm hu mill-agħar, għemil il-buli.

Ħadd m’għandu l-jedd jitkabbar fuq ħadd jew jagħmilha tal-prepotenti ma’ ħaddieħor. Safejn naf jien, bil-Malti m’għandiex kelma li toqgħod sew għal buli. Dal-kelma, mill-Ingliż “bully”, nużawha kemm b’sens negattiv, kif użajtha jien s’issa hawnhekk, kemm f’sens pożittiv, bħal meta ngħidu “bully int!”, u kemm b’sens sarkastiku, bħal meta ngħidu “iss, prosit għalik, x’bully fik!”

It-Taljani wkoll m’għandhomx kelma sewwa għal “bully”; jużaw “prepotente”. L-Ispanjoli jużaw il-kelma “matón” jew “matona”, jiġifieri bniedem faħħari u ġellied li jintimida ’l ħaddieħor. Bil-Franċiż jużaw il-kelma “brute”. Kollha jindikaw persuna ardita li tinħeba taħt il-kattiverja, imqar jekk momentarja.

Niġġildulu dejjem

Hemm miljun mod kif bniedem jintimida lil min iqisu aktar dgħajjef minnu. Il-linja bejn persważjoni u intimidazzjoni hija rqiqa ħafna u bniedem għandu joqgħod b’seba’ għajnejn li minn tal-ewwel ma jiżloqx, imqar mingħajr ma jrid, fit-tieni. Persuna tista’ tħossha intimidata mingħajr ma turi.

Dan juri li s-sensittività lejn is-sentimenti ta’ ħaddieħor hija l-arma kontra l-buli ta’ ġo fina. Li tħoss għal ħaddieħor, li tħoss ma’ ħaddieħor, dawn huma l-isbaħ kwalitajiet li jagħtu maturità u siwi lil kull persuna. Ir-regoli hi dejjem dik tad-deheb, li tgħid: Tagħmilx lil ħaddieħor dak li ma tridx li ħaddieħor jagħmlu lilek.

Lill-vittmi tal-buli tibża’ qatt taqbeż għalihom, anki jekk għad-dannu tiegħek innifsek. Min jiddefendi d-dgħajjef b’ħajtu m’għandix dubju li jikseb il-ġenna. Fuq kollox, qatt u qatt m’għandu bniedem jissieħeb ma’ min jaħqar lil ħaddieħor. Aħjar tbati mal-vittma milli tgawi mat-tirann.

Id-dnub tal-bulijiet huwa dejjem magħna u madwarna. Kemm ħsara jagħmel! Jien ma nieqaf qatt niġġilidlu fija nnifsu. Għax l-ewwel trid tneħħi t-travu minn għajnejk biex tara tneħħi t-tibna minn għajnejn ħaddieħor.

Jalla dad-dnub niġġildulu dejjem u kullimkien. Dejjem u kullimkien. Dejjem u kullimkien.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?