Le, għall-estradizzjoni ta’ Assange!


Il-Gran Brittanja lanqas biss ma kellha tibda tikkunsidra l-espradizzjoni ta’ Julian Assange lejn l-Istati Uniti tal-Amerika. It-Tlieta li għadd, waqt li hawnhekk kellna l-festa nazzjonali u pubblika, l-ogħla qorti Britannika bdiet ittella’ u tniżżel għandu dal-bniedem monumentali jiġi mibgħut ’l hinn mill-Attlantiku biex jiġi pproċessat bħala kriminal.

Il-ġid li għamel

Kulħadd jaf li Julian Assange, Awstraljan ta’ 49 sena, huwa l-fundatur ta’ “Wikileaks”. Din l-organizzazzjoni għamlitu dmirha li, permezz ta’ sistemi elettroniċi bl-Internet, tikxef krimini tal-gwerra, torturi, sorvellji illeċiti mill-Istati, konspirazzjonijiet diplomatiċi tal-Istati Uniti u organizzazzjonijiet imperjalistiċi oħra, komunikazzjonijiet tal-gvernijiet minn wara dahar kulħadd, u ħafna aktar. Imwaqqfa fl-2006, huma milljuni d-dokumenti rnexxielha tikxef.

Għax għamlet dan, Wikileaks hija meqjusa minn kull gvern tad-dinja bħala organizzazzjoni kriminali, u l-fundatur u l-ispiratur tagħha, Julian Assange, bħala wieħed mill-agħar kriminali tad-dinja. Dan kollu għax kixef dak li l-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet sigrieti ma jridu lil ħadd ikun jaf.

Wara l-ewwel kixfiet li għamel Assange u Wikileaks, fosthom f’relazzjoni ma’ Malta, tgħidx kemm ipprovaw iħammġuh b’li għandu u b’li m’għandux, ibda mill-Istati Uniti, li għaddietu ġuri in absentia. Tmien snin ilu, minħabba l-periklu għal ħajtu, Assange ħa kenn fl-ambaxxata ta’ Ekwador f’Londra. Baqa’ hemmhekk, mingħajr ma jista’ jirfes pass wieħed barra, sa April tas-sena li għaddiet, meta l-pulizija Britannika daħlet fl-ambaxxata u arrestatu.

L-isfaċċaġni tal-Istat

Għal din l-aħħar sena u fuqhom, Assange  kien ħabsi tal-Gran Brittanja. Dan l-aktar demokratiku tal-Istati tad-dinja, naturalment flimkien mal-aqwa Stat demokratiku l-ieħor, l-Istati Uniti, ilhom daż-żmien kollu jikkonfoffaw biex jaraw kif se jwasslu lil Assange  għall-patibolu. Id-dnub tiegħu ma jistgħu qatt jaħfruh.

Fil-dinja kollha, ilu għal dawn l-aħħar tmien snin u aktar isir ma’ kullimkien petizzjonijiet, anki uffiċjali minn gvernijiet differenti, biex Assange  mhux biss jitħalla ħieles imma wkoll jiġi protett min-nies ta’ gvernijiet li jriduh mejjet. Dan kollu sewa’ ta’ xejn. Fil-ħabs kien ma jiflaħx, il-kundizzjonijiet li fihom inżammu kienu ħorox, imma xorta waħda l-Gran Brittanja għamlet dak li jaf tagħmel l-aktar: taħqar.

It-Tlieta li għaddew kien l-ewwel jum tal-proċess ta’ Assange  biex il-qorti tarax hemmx biżżejjed raġunijiet biex jintbagħat l-Istati Uniti ħalli jgħaddi proċess ta’ kriminal. L-Istati Uniti qed tagħmel minn kollox, ukoll tibdel f’nofs proċess il-kapi t’akkuża, ħalli Assange  jiġi taħt idejha. Skond hi, huwa għamel id-dnub imperdonabbli li kixef sigrieti tal-Istat, jiġifieri dak kollu li l-Istat, ebda Stat, ma jrid juri lilek, lili jew lil ħadd.

Simbolu prezzjuż

Julian Assange  huwa s-simbolu ta’ kull bniedem li m’għandux setgħa u mhuwiex parti mill-qawwiet tas-setgħa statali. Huwa s-simbolu, ferm u ferm prezzjuż, kontra l-impertinenza, l-awtokrazija u l-assolutizzmu ta’ kull Stat politiku, jiġifieri kull Stat politiku li jara liċ-ċittadini tiegħu stess bħala dubbien.

Li l-Gran Brittanja tibda biss tikkunsidra l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Amerika bħala kriminal hija tabilħaqq tal-għaġeb għal min għadu jemmen li pajjiżi bħall-Gran Brittanja huma kollhom ħlewwa u qdusija. L-Amerika, għandek tkun taf, kif ukoll il-Gran Brittanja, qatt qatt u qatt ma jikkunsidraw l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħhom lejn pajjiżi oħrajn fejn huma mfittxijin anki għal krimini serji.

Imma f’għajnejhom Assange  mhuwiex bniedem. Huwa mostru li assarda ħadha kontra l-Istat. Huwa t-terrur tal-Istati u l-inkubu tagħhom. Bih, pajjiżi bħall-Gran Brittanja u l-Istati Uniti, kontra l-fehma uffiċjali ta’ ħafna pajjiżi oħra, iridu juru kemm huma qawwija u b’saħħithom, u kif ma jaħfruhiex lil min jażżarda jeqfilhom imqar bi ftit.

Petizzjoni

Int ukoll tista’ żżid isem mal-miljuni li qed jagħmlu petizzjonijiet għall-ħelsien ta’ Assange. Tħallix għal għada. Agħmel din illum f’ġieħ is-sewwa u l-ħaqq. Idħol fis-sit: www.change.org. Fittex il-kelma “Assange”. Agħfas fuq xi waħda mill-petizzjonijiet li jitilgħulek. Iffima u ibgħat. Tkun għamilt biċċa tajba llum.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?