Trotsky: 80 sena


Ix-xahar li għadda, ir-revoluzzjonarju u teoriku politiku Leon Trotsky, għalaq 80 sena mejjet. Dal-ġgant politiku huwa ħafna drabi jew injorat għal kollox jew imfakkar għal raġunijiet żbaljati. Però, naħseb li t-tifkira tiegħu tista’ tkun okkażjoni żgħira biex iġġibna f’sensina fuq ir-rwol li aħna lkoll għandu jkollna biex intejbu d-dinja ta’ madwarna.

Miet assassinat

Leon Trotsky miet tmenin sena ilu, f’Coyoacán ġol-Belt tal-Messiku, il-Messiku, fil-21 t’Awwissu tal-1940, fl-età ta’ sittin sena. Miet ħtija ta’ attakk qattiel fuqu fil-jum ta’ qabel ġewwa daru. Fir-ritratt t’hawnhekk, jien nidher fuq il-qabar ta’ Trotsky, fejn hu midfun flimkien ma’ martu Natalia Sedova, fil-ġnien tad-dar ta’ fejn ġie assassinat. Id-dar hi llum mużew, post miżmum eżatt kif ħallieh Trotsky tmenin sena ilu.

Trotsky kien mir-Russja u ssieħeb fil-partit Belxevista ftit ġimgħat qabel ir-Rivoluzzjoni t’Ottubru tal-1917. Huwa kien parti mill-gvern ta’ Lenin, imma meta Stalin ħataf it-tmexxija tal-pajjiż f’idejh wara l-mewt ta’ Lenin, Trotsky ġie mwarrab u mkeċċi mill-Unjoni Sovjetika.

Hekk bdew għal Trotsky ħdax-il sena t’eżilju hekk kif ħafna pajjiżi, imbeżżgħin minn Stalin, ma ridux jaċċettaw li jgħix fosthom. Għalhekk spiċċa l-Messiku fejn fl-1940, espressament fuq istruzzjonijiet ta’ Stalin, ġie assassinat f’daru b’daqqa fil-qurriegħa b’mannara li tintuża għat-tixbit mal-muntanji tas-silġ. 

Teoriku brillanti

Trotsky kien wieħed mill-aktar teoriċi revoluzzjonarji brillanti li qatt eżistew. Dnub li llum il-kitbiet tiegħu ma tantx jinqraw minħabba l-fama ħażina li Stalin ta lil kulmin mess miegħu, allavolja Trotsky kien l-akbar oppożitur ta’ Stalin, u li miet minn idejh. Trotsky kien mhux biss ħassieb ta’ livell għoli, imma wkoll kittieb prolifiku, profond u kumplessiv.

Il-Kommuniżmu Stalinista Trotsky qatt ma qabel miegħu u dejjem opponih. Hu dejjem emmen li r-rivoluzzjoni ma tista’ qatt tieqaf il-ħajja tan-nies. Dan għaliex dejjem se ssib lil min irażżan kull mixja ’l quddiem tal-bniedem billi jipprova jsaħħaħ il-qawwa oppressiva li tiċċentralizza kollox u tagħmel lilha nnifisha alla.

“Il-mixjiet il-kbar soċjali ’l quddiem,” kiteb Trotsky f’Id-Difiża tal-Marxiżmu (1939/40), “jistgħu jsiru biss bit-tagħlim tal-mases permezz tat-tqanqil tagħhom, u bit-turija lill-ħaddiema ta’ x’imisshom jiddefendu u x’għandhom iwarrbu.” Dejjem, skont Trotsky, se jkun hemm it-tentazzjoni jew il-periklu li n-nies jiġu aljenati minnhom infushom u minn dak li jmisshom. Għalhekk hu dejjem meħtieġ li r-rivoluzzjoni kontra l-oppressuri ma tieqaf qatt.


Rivoluzzjoni dejjiema

Dan il-kliem għandu mnejn jikkontradixxi dak li ħafna minnha jaħsbu li hi r-rivoluzzjoni. Għal bosta tfisser biss tqanqil vjolenti mifrux li jniżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u jgħolli ċ-ċkejnin. Imma Trotsky jgħallem li hemm rivoluzzjoni oħra li trid tibqa’ sejra l-ħin kollu. Hija r-rivoluzzjoni kontra kulmin jipprova jew jirnexxielu jiddomina fuq l-oħrajn u jaħqarhom għall-interessi tiegħu.

Dan-nies oppressuri jeżistu dejjem, ukoll meta rivoluzzjoni fis-sens tradizzjonali tirnexxi. L-oppressjoni hi realtà li tibqa’ possibbli fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, f’demokrazija daqskemm f’dittatorjat. L-oppressjoni, ta’ wieħed, ta’ waħda, jew ta’ ħafna, dejjem titlob rivoluzzjoni; dejjem titlob tqanqil li jopponiha u jiġġildilha.

Trotsky għalhekk hu ta’ min jagħtih widen. Għax dan ma kienx biss il-ħassieb tar-rivoluzzjoni Russa, imma l-ħassieb ta’ kull rivoluzzjoni. L-għadu tiegħu ma kienx biss Stalin jew il-kapitaliżmu, imma kull oppressjoni u kull oppressur.

Jien insellimlu minn hawnhekk għax nixtieq li ħsiebu u xewqatu ma jmutu qatt.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?