L-Amerika lura għan-normalità


Kont żbaljat doppjament meta ftit tal-ġimgħat ilu bsart li Donald Trump kien se jirbaħ l-elezzjoni Amerikana u jirbaħha sewwa ħafna. La ġrat waħda u lanqas l-oħra. Trump sar it-tielet president fost il-ħamsa u erbgħin li kellhom li ġie mneħħi wara perjodu wieħed biss. Minkejja kollox, però, jien diġà qed nimmissjah.

Ħaqqu t-tifħir

Jien m’iniex “fan” ta’ Trump. Lanqas xejn. Imma l-politika miegħu kienet avventura. Kull ġimgħa, jekk mhux kuljum, jara biex se joħroġ. F’kull ħaġa li għamel, kieku qatt kien politiku konvenzjonali. Tajjeb jew ħażin (aktar ħażin milli tajjeb) dejjem joħroġ b’xi ħaġa oriġinali. Żgur li qatt ma ried jilgħab il-logħba tal-politiċi professjonali. Ta’ dan ħaqqu l-ammirazzjoni ta’ kulħadd.

Il-politiku professjonali fil-wiċċ jgħid u jagħmel dak li jridu jisimgħu u jaraw in-nies. Minn taħt jagħmel li jrid. Trump dejjem iddisprezza dan l-atteġġjament; dejjem kien ta’ żaqqu f’fommu. Huwa atteġġjament anti-politikantiżmu, jekk trid issejjaħlu hekk. Huwa atteġġjament li jkasbar l-artifiċjalità, il-gideb, il-falzità tal-biċċa l-kbira tal-politiċi professjonali.

Nerġa’ ngħid, għal dan Trump ħaqqu t-tifħir. Il-logħba politika li ħafna jilagħbu minn wara dahar il-popli saret ir-regola tal-politiċi professjonali. Iqarrqu bin-nies biex jibqgħu fis-setgħa ħalli jkollhom idejhom fuq l-imħażen u s-sniedaq tal-flus. Jekk Trump hu ħalliel bħalhom, għall-anqas is-serq tiegħu ma jżidx miegħu l-gideb u l-qerq.

Avventura waħda

Trump kien avventura waħda. Il-ġurnalisti tad-dinja kollha, fil-biċċa l-kbira tal-ewlenin fosthom maħkuma mill-familja Mardoch, xalata kellhom bih għal erba’ snin sħaħ. Issa m’għandhomx ma min jaqbdu, għall-anqas mhux daqskemm kienu jaqbdu ma’ Trump. U Trump kien ipaxxihom, għax kien dejjem jagħtihom fuq xiex itaqtqu.

Imma issa daħal Joe Biden u l-avventuriżmu spiċċa. Issa hu ż-żmien tad-deċenza, l-ordni, l-edukazzjoni, l-etikett, l-imġieba tajba, il-kelma meqjusa ... u x’naf jien. Biden huwa l-politiku tipiku professjonali li fil-pubbliku dejjem jidher qisu pupu tal-porċellana li kulħadd irid iħobbu u li ma jurta lil ħadd. Minn wara l-kwinti aktarx hu mod ieħor; wara l-kwinti huwa l-post fejn isir il-veru “business”.

Xi wħud jilludu rwieħhom li Biden hu differenti minn Trump, u li għalhekk se jkun president aħjar. Dan mhux neċessarjament minnu. Biden hu ġurdien xiħ biżżejjed biex jagħmel agħar minn Trump u jibqa’ jidher tal-gustuż u l-anġlu. Xi kultant titħawwad min minnhom hu Demokratiku u min Repubblikan; għax donnhom ir-rwoli tagħhom maqlubin. Imma forsi aħna ma nifhmux biżżejjed lill-Amerika u l-politika tagħha.

Gwerra f’sentejn

Hu x’inhu, issa kulħadd mimli li l-Amerika se terġa’ tieħu r-ruħ. Dawn jinsew li Biden u Trump jaqblu fil-biċċa l-kbira tal-politika estera tagħhom. L-aktar li ma jaqblux huwa fuq xi biċċiet -- mhux kollox -- tal-politika interna tagħhom. Dan ifisser li lilna, li ma ngħixux l-Amerika, ftit se jagħmlulna differenza jkunx wieħed jew l-ieħor; mhux bħall-Amerikani li jridu jitwikkew b’min ikun hemm.

Terġa’ u tgħid, fejn ma’ Trump il-pajjiżi barranin dejjem kienu jafu fejn qegħdin, ma’ Biden mhux neċessarjament se jkun l-istess. Biden hu anqas konsistenti minn Trump. Dan għax hu politiku, u l-politiku dejjem jagħmel li jaqbel lilu f’dak il-ħin. Hekk hu Biden, u hekk għad naraw.

Waħda Amerikana ħabiba tiegħi qaltli: “Jien ftit jinpurani min ikun president tal-Amerika, imma jekk il-passat hu mera tal-futur, nagħmillek imħatra li fi sentejn l-Amerika tkun bdiet gwerra oħra; għax id-Demokratiċi dejjem hekk jagħmlu.” Ovvjament, jekk jibdew gwerra oħra, din mhux ġo l-Amerika se tkun. Nittama li ma tkunx xi mkien madwarna. Nittama li ma jkun hemm gwerra xejn.

Insomma, l-Amerika lura għan-normal, xi dwejjaq!



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?