L-“avukatiżmu”

L-avukati għandi rispett kbir lejhom. Dan ma jfissirx li m’għandix naħseb li għandhom mod partikulari ħafna ta’ kif jaħsbu. Huma klassi għalihom. Aktarx għax studjaw mingħand avukati oħra u tgħallmu flimkien, u ħafna minnhom jibqgħu jagħmluha ma’ xulxin, jgħaddu lil xulxin l-istruttura bażika ta’ kif iħaddmu moħħhom. Dan jgħodd għal professjonijiet oħra, bħal, ngħidu aħna, is-saċerdoti jew it-tobba u l-bqija. Din l-istruttura mhijiex tajba jew ħażina. Hi dik li hi, u għandha ħabta tagħġen ir-realtà biex tiġi taqbel magħha. Biex nagħtiha isem se nsejħilha “avukatiżmu”.

Avukati biss

Qabel ma ngħid fiex naħseb li jikkonsisti dal-metodu mentali, xtaqt ngħidlek għala qed ngħid dan kollu. Ir-raġuni hi li qed ninkwieta. Biex? B’dal-pajjiż li ġie f’idejn l-avukati. Possibbli ħadd ma nduna? Għala lil ħadd ma donnha tinkwieta dil-ħaġa. Lili tinkwetani proprju minħabba li l-mod ta’ kif jaħsbu l-avukati bħala klassi u, bil-pajjiż f’idejhom, se jdakkru kull rokna tal-ħajja politika tagħna b’dal-mod partikulari tagħhom.

Għala ħadu l-pajjiż f’idejhom? Ħa ngħidlek. Mela l-Arċisqof hu avukat. Il-Prim Ministru hu avukat. Il-Kap tal-Oppożizzjoni hu avukat. Avukati biss! Min jonqos li jkun avukat? Baqa’ xi uffiċċju ewlieni fil-pajjiż li mhuwiex f’idejn avukat? Ma jidhirx. Qed tara kif il-pajjiż f’idejhom?

Darba kien hawn attitudni Malta, biex ma ngħidx politika, li kemm jista’ jkun jiġu promossi għall-uffiċċji ewlenin tal-pajjiż nies li mhux neċessarjament kienu professjonisti jew gradwati, aħseb u ara avukati. Kien hemm sens f’dan. Naħseb li dan kien ukoll parti minn viżjoni. Ċertament kellu l-filosofija li jagħti siwi lil kulħadd, u għalhekk kien filosofija t’ugwaljanza.

Mentalità ta’ klassi

Dan illum m’għadux moda, milli jidher. Il-manija tal-“professjonaliżmu” ilha li daħlet Malta diversi snin, bejn wieħed u l-ieħor minn mindu bdejna nagħmluha ma’ tal-Unjoni Ewropea. Ħadd mingħajr imqar diplopa mġiddma ma seta’ jitqies aktar kompetenti. Il-bqija ma kinux mistiedna jieħdu l-postijiet ta’ quddiem. Dawk saru riservati għall-professjonisti. Żmien it-teknokratiżmu kien beda.

L-avukatiżmu huwa pass lil hinn minn din il-fażi tal-professjonaliżmu, partikularment fil-qasam tal-politika. Milli jidher, issa s-siġġijiet ta’ quddiem huma riservati għall-avukati. Dawn m’għandix dubju li huma nies serji u tal-affari tagħhom. Anzi, kważi kważi żżejjed. Huma ħafna drabi legalisti u xi wħud anki moralisti. Dan hu parti mill-mentalità tal-klassi tagħhom.

L-avukatiżmu, minbarra l-possibbiltà legalista tiegħu, jevita l-konfront li mhuwiex strettament formali. Huwa ħafna drabi burokratiku u akkademiku; jara r-rimedju f’kollox, imbasta b’mezzi ppruvati u mħarrġa. Għalhekk, jevita l-ħolqien ta’ preċedenti ... li b’mod ieħor insejħulu kreattività u innovazzjoni. L-avukatiżmu ma jħobbx l-eċċitament, imma r-ras bierda, l-etikett diplomatiku u r-rispett formali.

Tiżwiq

It-tmexxija ta’ pajjiżni mill-avukati żgur li se jkollu xi effett fuq il-ħajja politika tagħna, u jista’ jkun anki fuq dik soċjali. Dan aktarx mhux se jiġi nnutat minnufih għalhekk naħseb li l-effetti tiegħu diġà qed jidhru għal dawk li qed iħarsu mill-qrib.

Kif għedt, jien m’għandi xejn kontra l-avukati. Altru. Imma pajjiż demokratiku, aktar ma jkollu tiżwiq, aktar ikun b’saħħtu f’kull sens tal-kelma. L-istutuzzjonijiet tagħna jibdew jitqalu meta l-istess professjonaliżmu avukatesk jiddominahom għal żmien twil.

Il-Partit Laburista b’mod partikulari dan għandu jifhemu aktar minn kulħadd għax hu partit tal-poplu ż-żgħir. Imma jekk l-avukati jaslu biex jiddominawh iżżejjed, ma narax kif jistgħu ma jagħmlulux il-ħsara. Jalla t-tiżwiq u l-ugwaljanza li dejjem emmen fih dal-partit ma jiġux issagrifikati għall-korrettezza formali li qed taħkimna.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?