Min pinġa l-“Covid-19”?

Ilkoll kemm aħna sirna mdorrijin b’dik il-ħaġa ħadra tonda tonda li minnha qishom ħerġin trombetti ħomor li kulħadd isejjaħ Coronavirus jew Covid-19. Dix-xbieha ilha issa magħna madwar sena u kulħadd draha. Malli narawha, mill-ewwel nintebħu x’inhi. Mela għandek tkun taf li din hi xbieha maħluqa li ma teżistix fir-realtà. Min pinġiha? Għala?

Alissa Eckert

Ix-xbieha tal-Coronavirus hija ħlieqa magħmula fil-bidu ta’ dis-sena minn Alissa Eckert, illustrattriċi medika li hija waħda mill-ħdax-il elf ħaddiem fiċ-Ċentri għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard mifruxa mal-Istati Uniti tal-Amerika. F’Jannar ta’ dis-sena, hija kienet ħadet telefonata minn ta’ fuqha li qaltilha li kien hemm imxija ġdida fid-dinja u li kienet perikoluża ħafna.

Eckert kienet taf mill-ewwel x’kellha tagħmel. Bħala artista esperta fix-xjenzi u l-komunikazzjoni, kellha toħloq tpinġija tridimensjonali (3D) tal-vajrus mir-ritratti li tawha. Għalhekk, minnufih sejħet lill-kollegi tagħha, fosthom Dan Higgins, u flimkien ħarġu bix-xbieha tal-Coronavirus li llum kulħadd jagħraf mal-ewwel daqqa t’għajn.

X’kien l-iskop ta’ dit-tpinġija? Eckert kienet taf li t-tpinġija tagħha kellha tagħti identità lill-vajrus u b’hekk tagħmlu tanġibbli għal nies li riedu jiġġildulu. Għalkemm ma kinetx tafu mill-bidu nett, it-tpinġija saret waħda mill-armi tal-umanità kontra għadu inviżibbli perikoluż ferm.

Sempliċi u tanġibbli


It-tpinġija oriġinali ta’ Eckert u Higgins saret b’konsulta professjonali mat-tekniċi fiċ-ċentri ta’ fejn jaħdmu. Għalkemm illum it-tpinġija tiġi ssimplifikata ħafna, bħala sar f’diversi sfilati tal-aħħar karnival, fosthom f’Malta u f’Għawdex, it-tpinġija oriġinali ma kinetx sempliċistika. Infatti, kienet tinkorpora fiha l-elementi kollha meħtieġa biex anki l-esperti jidentifikaw ruħhom magħha.

Naturalment, it-tpinġija hija differenti ħafna mir-ritratti tal-Cornovirus li jittieħdu taħt il-mikroskopju. Dan apposta ħalli l-kumplessità tal-vajrus jissarraf f’elementi kemm jista’ jkun sempliċi u tanġibbli. L-għadu l-kbir ġie mhux biss identifikat, imma wkoll magħruf ... għax għandna xbieha tiegħu; u x-xbieha tiegħu tagħmlu dgħajjef, nieqes mit-twerwir u tellief.

Eckert, bħala artista grafika, kif ukoll sħabha, skoprew l-importanza tad-disinn tagħhom meta, hekk kif bdew igerrbu l-ġimgħat u x-xhur, u l-imxija bdiet toqtol aktar u aktar eluf ta’ nies, intebħu kemm il-Coronavirus kientabilħaqq perikoluż. L-arma tagħhom għadha qed tgħin biex jinqered dan l-għafu terribbli.

Grati lejhom ukoll

Id-disinn tal-Covid-19 jagħmel parti mill-ħtieġa fil-psikoloġija tagħna li jkollna stampa mentali ta’ dak li rridu nagħmlu u ma nagħmlux. Meta tkun nieqsa stampa bħal din, aktar insibuha diffiċli li naraw lilna nfusna għall-iebes u t-taqlib tal-ħajja. In-nuqqas ta’ stampa mentali ta’ dak li jiġi ma’ wiċċna jagħmilna aktar nervużi, mimlijin tensjoni u, għalhekk, aktar vulnerabbli.

Għal xi wħud żgur li se jaraw li l-ħolqien ta’ stampa tal-Coronavirus mhijiex daqstant importanti, wara kollox. Huma żbaljati għal kollox. Illum, il-ġlieda kontra dil-imxija bil-kemm nistgħu nimmaġinawha mingħajr l-istampa ta’ Eckert assoċjata direttament magħha. Dan juri l-importanza tad-disinn. Tant li sar parti mill-ħajja tagħna tul dis-sena u għandu mnejn jibqa’ magħna għal dejjem.

L-Amerika u mkejjen oħra għandhom id-drawwa li jagħtu isem lill-urigani qerrieda. L-iskop huwa l-istess bħad-disinn tal-Coronavirus. Għadu li tista’ tarah u tirrelata miegħu fl-irkejjen ta’ moħħok m’għandux ħakma daqshekk kbira fuq l-emozzjonijiet, l-immaġinazzjoni u d-difiżi tiegħu.

Għalkemm tista’ ma tkunx xi ħaġa tant sabiħa, madanakollu xorta waħda għandna nkunu lkoll grati lejn persuni bħal Alissa Eckert li bil-mod tagħha u ta’ sħabha għenuna niġġieldu dil-pesta. Grazzi!




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?