Proprjetà pubblika ssir privata


Jekk tgħaddi max-xatt ta’ diversi nħawi f’Malta u f’Għawdex issib li spazji li minnhom kont tista’ qabel tgħaddi minnhom m’għadhomx aċċessibbli għax okkupahom xi ħadd għalih innifsu. Ħafna minna ma jagħtux kas. Jew iduru ma’ dawn l-ispazji jew jgħaddu minn xi mkien ieħor. Mingħajr ma nintebħu jkun sar serq taħt imneħirna. Ikun ukoll inkiser wieħed mill-aktar prinċipji importanti tal-umanità ċivilizzata.

Serq sfaċċat

Għala serq? Għax dak li hu propretà pubblika m’għandu qatt isir proprjetà privata. Meta x-xatt ta’ xi post hu aċċessibbli għal kulħadd, dan ikun proprjetà pubblika; għax il-pubbliku kollu jista’ jużah u jgawdih. Imma meta xi biċċa minn dik il-proprjetà ma tibqax aċċessibbli aktar għal kulħadd, imma jkun jista’ jużaha wieħed biss kif irid hu, dik tkun insterqet mill-pubbliku u saret proprjetà privata.

L-ispazji misruqa minn max-xtut ta’ ħafna nħawi⸻il-Gżira, Tas-Sliema, Malsalforn, il-Belt, Birżebbuġa, ix-Xlendi, Marsaxlokk, u l-bqija⸻dawn m’għandhomx tal-pubbliku imma saru tal-privat. Il-pubbliku nsteraq biex il-privat jagħmel il-business u l-profitt tiegħu.

Il-ħafna gabbani li qegħdin jinbnew max-xtut huma tal-privat, mhux tal-pubbliku. L-ispazji li dal-gabbani jinsabu fuqhom ma baqgħu proprjetà komuni, imma issa saru riservati għal xi ħadd partikulari biex jużaha kif irid hu.

Prinċipju ewlieni

Għala jinsterqu b’dal-mod dawn l-ispazji? Għax hemm min għandu l-awtorità f’xi kunsill jew fil-gvern ċentrali li qed jagħmel il-qligħ bl-ispazji li jikri lill-privat. F’kelma waħda, il-biċċa xogħol kollha tinten minn rasha sa saqajha. Il-pubbliku ħafna drabi ma jagħtix kas għax jinqeda mill-gabbani fuq art misraq, imma għandu jkun jaf li mar minn taħt. Biex jitpaxxa l-privat ftaqar hu u l-poplu kollu.

It-tieni, x’prinċipju hu li jikser is-serq tal-proprjetà pubblika? Il-prinċipju li dak li hu pubbliku ma jista’ qatt jgħaddi għall-privat fuq bażi permanenti. Li kieku ma kienx hekk, m’hawn xejn pubbliku fid-dinja; kull roqgħa komuni nsterqet. Imma l-ġid komuni ma jippermettix dan. Ix-xtut huma ġid komuni, u qed jiżbalja minn biċċa biċċa, bil-kwiet il-kwiet, qiegħed jagħtih lill-privat.

Is-serq tal-proprjetà pubblika hi agħar mis-serq tal-proprjetà privata. Għax fit-tieni każ, il-proprjetà tkun għaddiet mingħand il-privat għall-privat; mingħand ħalliel għal ieħor. Imma meta tinsteraq il-proprjetà pubblika u ssir tal-privat, ikun ġara li dak li hu ta’ kulħadd u m’għandu ebda sid wieħed, imma hu għall-ġid komuni, ġie mkisser biex igawdi wieħed biss.

Il-ġid komuni

Ix-xtut m’għandhomx jibqgħu jingħataw lill-privat. Diġà saru ħafna spreġji minn dawn fl-imgħoddi. Imma dal-ġenn għandu jieqaf. Ħares fejn trid, ara x-xtut fl-inħawi li semmejt hawn fuq u f’inħawi oħra li taf int, u ara sar serq ta’ spazji li kienu pubbliċi biex igawdi minnhom il-business ta’ xi ħadd partikulari.

Ħadd m’għandu jinsa jew jinjora li l-ispekulaturi jiġi b’ħafna lwien, u tgħidx kemm jitbissmu u jiġu bi ħlewwiet sabiex jisirqu dak li l-kilba tagħhom trid taħtaf. Il-ħbieb tal-ispekulaturi huma n-nies tal-permessi, nies li jaħdmu f’isem il-poplu, imma li jafu jbillu jubgħajhom għall-ġid tagħhom infushom u ta’ ħbiebhom.

F’dal-pajjiż mhux ix-xtut biss se jinqerdu b’dan il-mod, imma kull roqgħod pubblika li għad fadal. Għala? Għax il-ġid komuni ma hu qed jagħti kasu ħadd, speċjalment min għandu s-setgħa, il-ħbieb u l-qawwa. Dal-ġid komuni huwa dak li jkabbar il-poplu, iwassal li għandna għand it-tfal tat-tfal tagħna, u jagħti s-saħħa lin-nazzjon.

Bis-serq tal-proprjetà pubblika mill-privat il-ġid komuni jispiċċa għal dejjem.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?