Waslet tal-Amerika!


Saflaħħar, l-elezzjoni tant mistennija tal-Istati Uniti tal-Amerika waslet. Trump għar-Repubblikani u Biden għad-Demokratiċi nhar it-Tlieta, 3 ta’ Novembru, se se jmorru għall-verdett tal-poplu. Bħal kull elezzjoni oħra qabilha u warajha, din hi waħda li għandha tiddeċiedi ħafna affarijiet fil-ħajja politika tal-Amerika. Imma tista’ wkoll ma tbiddel assolutament xejn.

Trump jirbaħ

Ħafna qed jixtiequ, u għandu mnejn ukoll iħebbru, li Trump se jitlef l-elezzjoni. Jien ma naħsibx. Ix-xewqat qatt ma kienu fatta. Ukoll jekk jien, għas-saħħa tal-argument, nixtieq li Trump jitlef l-elezzjoni, dan ma jfissirx li hekk se jiġri. Anzi, minkejja li nista’ nixtieq hekk, jien jidhirli li Trump se jerġa’ jirbaħ.

Minn erba’ snin ilu ’l hawn ili nsegwi lil Trump f’dak kollu li għamel. Dan ma kienx faċli għax kien ifisser li kelli nisgiċċa l-biċċa l-kbira tal-medja Amerikana, li kienet maħlufa konrih. L-aħbarijiet fuq Trump⸻u dan narah fil-fehmiet ta’ ħafna nies li nitkellem magħhom⸻kienu valenużi kontrih; dejjem lesti li jpinġuh f’dawl ikreh, u biex imaqdruh.

L-Amerikani ma naħsibx li fil-biċċa l-kbira tagħhom dal-valenu belgħuh. Jien jidhirli li ħafna minnhom jammiraw lil Trump, anki jekk forsi ma jħobbuhx, u lesti jerġgħu jagħtuh il-mandat li jiggverna fuqhom għal erba’ snin oħra.  

Oppożizzjoni dgħajfa

L-oppożizzjoni politika li kellu u għad għandu Trump hi dgħajfa ħafna u vizzjuża. L-attakki li għamlu fuqu darbtejn in fila biex ineħħuh mhux biss ma waslu mkien imma saħansitra waqqa’ lilhom fl-għajb. Id-demokratiċi wrew li mhumiex id-demokratiċi li jiftaħru li huma; urew li meta ma jogħġobhomx il-logħob, iħassru.

Il-proċess demokratiku ma jaħdimx hekk. Għalhekk, l-oppożizzjoni kerha li għamlu lil Trump għenitu jkun aktar popolari. Fil-politika tagħmel żball tminġi lil xi ħadd vittma, għax in-nies jinġibdu lejh. Hekk ġralu Trump tul dal-erba’ snin li għaddew. Għamluh vittma u saħħewh.

Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku, mhuwiex bniedem li kapaċi joffri oppożizzjoni serja lil bniedem bħal Trump. Miegħu jitlef bl-għeruq u x-xniexel. Il-voti li se jġib huma aktar lill-partit milli lilu. Lil Trump għamlulu pjaċir meta għażlu għal kontrih lix-xwejjaħ Biden.

Jalla

L-elezzjoni ta’ nhar it-Tlieta hi importanti għad-dinja kollha, mhux għall-Amerika biss. Il-president Amerikan huwa l-aktar mexxej b’saħħtu għax huwa l-kap tal-akbar pajjiż tad-dinja. Il-politika Amerikana taffettwa d-dinja intimament. Hu għalhekk li dil-ġimgħa d-dinja kollha tkun qed tħares x’se jiġri.

Nittamaw li r-riżultat inkunu nafuh dil-ġimgħa stess, jekk jista’ jkun sigħat biss wara li jingħalqu l-kaxex tal-voti. Dan ngħidu għax jista’ jkun li jinqalgħu problemi bħalma kienu nqalgħu fi Florida fit-tieni elezzjoni tat-tieni Bush li minħabba fihom ir-riżultat finali ma setax joħroġ.

Trump ilu jwissi għal dan. Nittama li ma jkollux raġun. Erba’ snin oħra ma’ Trump mhumiex daqshekk mill-agħar għal min ma jiġix taħt il-mira tiegħu. L-Amerika nhar it-Tlieta se taħseb għal rashom; għalhekk Trump għandu ċans sew li jirbaħ. Ikun min ikun fid-Dar il-Bajda ta’ Washington, jalla jagħraf imexxi mingħajr ħażen għall-ġid tad-dinja kollha.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?