Il-bniedem t’għada


Kull bniedem li hu parti minn soċjetà, li jagħti sehem fil-ħajja ta’ dik is-soċjetà, u li jemmen fil-futur tagħha, jista’ jissejjaħ “bniedem t’għada”. Dan ifisser li s-soċjetà għandha mill-ħajja ta’ dal-bniedem daqskemm hu fih għandu mill-ħajja tas-soċjetà li jagħmel parti minnha. It-tnejn jagħtu l-ħajja lil xulxin; it-tnejn jistgħu jkabbru u jgħinu lil xulxin daqskemm jistgħu jfixklu u jweġġgħu lil xulxin.

Kontribuzzjonijiet

Ħa nibda minn dal-ħsieb tal-aħħar. Għax ħafna nies, għalkemm huma parti mis-soċjetajiet tagħhom, jixtiequ li ma jkunx hekk. Jixtiequ jitilquhom. Iħossu li s-soċjetà toħnoqhom, ma tifhimhomx. Iħossuhom aktar mifrudin mis-soċjetà milli parti minnha. Dan-nies, mhux biss ma nħossux li jikkontribwixxu lis-soċjetà, jew li għandhom jikkontribwixxu, imma saħansitra jħossu li s-soċjetà ma tikkontribuwixxi xejn lilhom.

Dawn huma sentimenti mifruxin ħafna u wieħed jista’ jifhimhom. Mhumiex sentimenti superfiċjali jew azzardati. Huma sentimenti sinċiera li jistħoqqilhom ħafna rispett. Aktarx huma sentimenti li jiġu minn weġgħat u diżappunti. Wieħed ma jistax ma jlumhomx.

Imma fl-istess ħin wieħed irid jifhem li ħadd ma jista’ jkun eskluż għal kollox mill-kontribut li s-soċjetà tagħtih sakemm hu parti minnha. Għat-tajjeb jew għall-ħażin is-soċjetà li int parti minna, anki jekk bil-fors, qiegħda tibdlek. Kull soċjetà tibdel lin-nies tagħha, ukoll jekk jirreżistuha jew jiċħduha.

Filtrazzjoni

Min-naħa l-oħra, ebda bniedem li hu parti minn soċjetà ma jista’ jieqaf jagħti xi ħaġa, imqar żgħira, lil dik is-soċjetà. Kulħadd jikkontribwixxi xi ħaġa, anki jekk ma jridx, lis-soċjetà li jgħix fiha. Imqar bis-silenzju tagħna, imqar bil-passività tagħna, imqar bin-negattività tagħna, aħna lkoll b’xi mod u manjiera kontributuri tas-soċjetà.

Hu għalhekk li aktar ’il fuq għedt li s-soċjetà u l-individwi tagħha jinsabu f’relazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet lil xulxin. Dan minkejja r-rieda tajba jew ħażina ta’ xi wħud. Dir-relazzjoni ma tistax tiġi evitata. Li jista’ jsir huwa li l-individwi jiffiltraw dik ir-relazzjoni.

Għalija din il-“filtrazzjoni” hija essenzjali biex l-individwi jħarsu l-individwalità tagħhom, u ma jħallux lis-soċjetà tibdilhom kif, meta u għalxiex trid hi permezz tal-istituzzjonijiet invadenti tagħha. Kull individwu li ma jiffiltrax l-influss tal-istituzzjonijiet soċjali jispiċċa biex tinqered l-individwalità tiegħu u, għalhekk, is-sbuħija u s-singularità tiegħu jew tagħha.

Ħajja xierqa

Is-soċjetà hi sabiħa sakemm ma nħalluhiex tiblagħna. Din għandha t-tendenza tagħmilha l-ħin kollu. Kull individwu jrid iħares lilu nnifsu sew minn dan il-periklu. Madankollu, dan ma jistax jagħmlu għal kollox. Għax la darba aħna parti minn soċjetà ma jistax jonqos li din ma tinfluwenzaniex. Imma xi ftit jew wisq il-kontroll tad-doża, biex ngħid hekk, jibqa’ dejjem f’idejk.

Il-kontribuzzjonijiet tal-individwi lis-soċjetà tagħhom ivarjaw ħafna, kemm fl-istil u l-għamla kif ukoll bil-kwantità. Hemm kontribuzzjonijiet li xi kultant jagħtu fil-għajn u jiġu rrappurtati sew, u hemm oħrajn ċkejkna u moħbija li huma daqstant sbieħ u relevanti. It-tnejn jeżistu, u t-tnejn huma validi.

Ebda bniedem m’għandu jaħseb li hu mhuwiex membru utli tas-soċjetà tiegħu, ukoll jekk f’dik is-soċjetà mhuwiex xi wieħed jew waħda li jaf bihom kulħadd. La darba kull wieħed u waħda minna ngħixu u naqsmu l-ħajja tagħna ma’ ħaddieħor, allura aħna ċelluli ħajja tal-ġisem kollu. Jekk dan ħaddieħor ma jarahx, aħna għandna narawh għalina nfusna.

Għalhekk, kull wieħed u waħda minna hu jew hi wkoll persuna t’għada, li fiha tistrieħ it-tama ta’ ħajja xierqa għal kulħadd.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?