In-natura ma tiżbaljax


Kemm hawn anzjani, kemm hawn nisa u rġiel adulti, kemm hawn żgħażagħ u kemm hawn saħansitra tfal li jaħsbu li huma żball tan-natura. Jaħsbu hekk, aktarx, għax qalulhom li hu hekk tant drabi li saflaħħar qishom ikkonvinċew lilhom infushom li hu hekk tassew. Bħallikieku jekk tgħid gidba ħafna drabi ssir verità. Le, ngħidlek, jekk int taħseb hekk: in-natura ma tagħmilx żbalji. Ebda persuna, lanqas int, m’int żball.

Sofferenza li m’għandhiex tkun

Ħafna nies huma ta’ din il-fehma, jiġifieri li huma żball tan-natura, għax il-personalità tagħhom jarawha li ma taqbilx mal-ambjent naturali ta’ madwarhom. Jaħsbu li huma mhumiex bħall-bqija tal-bnedmin, jew għall-anqas bħall-biċċa l-kbira tagħhom. Jaraw lil ta’ madwarhom u jixtiequ jkunu bħalhom; parti min-nies “normali”; parti mill-bqijia; parti mill-maġġoranza.

Oħrajn ġew mgħajra li mhumiex normali; li huma strambi; li ma jinkwadrawx. Ġew mgħajra biex jintwera lilhom li huma ’l barra min-“normalità”, mid-dinja tal-maġġoranza, mill-ambjent sabiħ. Ġew mgħajra li huma koroh, li mhumiex sħaħ, li saħansitra huma morda, li jridu jinbidlu, li posthom mhuwiex man-nies.

Dan-nies isofru minħabba l-impressjonijiet li jagħtuhom ħaddieħor. Isofru għax jixtiequ jkunu hienja u kuntenti daqs ħaddieħor. Isofru, fuq kollox, għax iqabblu lilhom infushom ma’ ħaddieħor; għax iħallu lil ħaddieħor iqabbilhom u jikkomparahom. Isofru għax ħaddieħor jirnexxielu jħawwadhom mingħajr m’għandu għalfejn.

Espressjoni ġenerali biss

In-“normalità” mhijiex ir-regola. Hija espressjoni ġenerali li nużawha biss biex naħdmu biha bil-ħeffa. Ħadd, fil-fatt, ma jista’ jgħid li hu jew hi perfettament “normali”. Sempliċiment għax in-“normali” ma jeżistix. Jekk niġu f’dan, kulħadd hu normali, għax kulma jiġi min-natura hu normali; u n-natura ħlief “eċċezzjonijiet” ma fihiex. Dak hu s-sabiħ tagħha.

Ebda bniedem ma jista’ jgħid li mhuwiex normali skont il-kriterji tan-natura. Jista’ jgħid li mhuwiex normali skont il-kriterji tal-bnedmin, li bosta drabi joħolqu gruppi soċjali li jagħtuhom xejra taparsi stretta u definita. Xi nies, sfortunatment, ma jkunux jistgħu jevitaw li jkunu parti minn dawk il-gruppi, u għalhekk, jekk ma jinkwadrawx fihom, iħossuhom esklużi, differenti, mistmerra u mkissra.

Ukoll jekk persuna ma tista’ tevita grupp li jweġġagħha, din għandha tgħix ħajjitha b’konvinzjoni sħiħa li hi sabiħa kif inhi, mhux kif iridha ħaddieħor jew kif japprova ħaddieħor. Ħadd m’għandu joqgħod fuq l-approvazzjoni ta’ ħaddieħor. Kulħadd hu sabiħ, kulħadd hu sħiħ, kif inhu; hi x’inhi l-opra tan-natura fih jew fiha.

Tibqax iżolat u iżolata

Dawk kollha li qed isofru minħabba n-“nuqqas” ta’ normalità tagħhom għandhom ikunu jafu li dis-sofferenza hija żejda. Mhux għax ma tweġġax, lanqas għax hi fittizzja; imma għax mhemmx lok għaliha. Ħadd m’għandu jbati għax ħaddieħor ġiegħlu jħossu maħmuġ u mniġġes. Tħallix lil ħaddieħor jagħmlulek dan.

Fuq kollox, nies li jinsabu f’sofferenza bħal din m’għandhomx jibqgħu iżolati fit-tbatijiet tagħhom. L-iżolament iżid il-konfużjoni, mhux inaqqasha jew isolviha. L-iżolament ikabbar it-tbatija. Min iħossu mweġġa’ minħabba li ħaddieħor ġiegħlu jħossu maħmuġ jew maħmuġa għandhom ifittxu ma’ min jistgħu jitkellmu u jaqsmu l-tbatija tagħhom. Hawn ħafna nies li lesti jisimgħu bis-serjetà, bil-kompassjoni u bil-fehma. Tibqax tbati waħdek.

Ftakar dejjem li n-natura ma tiżbaljax. U meta ngħid in-“natura” nista’ ngħid, jekk togħġbok aktar, “Alla”, għax għal min jemmen in-natura hija l-ħolqien t’Alla. U Alla ma jiżbaljax.

Ukoll jekk ta’ madwarek iridu jikkonvinċuk li hemm mod kif tgħix u hemm mod kif ma tgħixx, tismax minnhom. Dak li tħoss int huwa sagru. Tħallihom  jipprofanhulek. Tkellem u ssib il-mistrieħ u wkoll il-ferħ.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?