Wiċċ Alla fl-annimali


Kienu jgħidulna meta konna żgħar li min ma jħobbx l-annimali lanqas lill-bnedmin ma jħobb. Jien naħseb li dan hu minnu. Għax min għandu qalbi iebsa jew ħadra mal-innoċenti tal-ħolqien, allura kif jista’ jkollu qalb tajba għal min mhux. Jekk Alla juri ruħu fil-bnedmin, kemm aktar fil-ħlejjaq l-oħra tiegħu?

Ir-ruħ tal-ħajja

Il-filosfu l-kbir tal-qedem Aristotli, li għex madwar tliet mitt sena qabel Kristu, kien jgħallem li kull ħaġa li għandna l-ħajja fiha ruħ. Mhux biss il-bniedem, imma l-annimali kollu u l-ħxejjex kollha ... ilkoll fihom ir-ruħ. Madanakollu, kien jgħallem ukoll li r-ruħ tal-bniedem biss hi immortali, u dan minħabba r-raġuni.

Jekk il-ħxejjex u l-annimali għandhom ruħ, ukoll jekk mhijiex immortali, ma jfissirx dan li għandhom xrara mill-Ħajja, li hi Alla? Huma wkoll, bil-mod tagħhom, għandhom xi ħaġa, imqar farka, mix-xbieha t’Alla. U jekk il-qdusija tixraq lil Alla li hu l-Ħajja, allura mhux ukoll lil kull għamlu u sura tal-ħajja?

Ir-ruħ tal-annimali, ukoll jekk tista’ ma tkunx mortali, fiha mill-qdusija u s-sbuħija tal-Qaddis u s-Sabiħ, li hu Alla. Dan ma jfissirx għajr li jistħoqqilhom ilkoll ir-rispett u qima tagħna, bħalma jistħoqqlu wkoll il-ħolqien kollu. Il-bniedem iweġġa’ lilu nnifsu meta jweġġa’ ’l-annimali u meta jnikket il-ħolqien.

Nies bla ruħ

Hawn nies li għalihom dan kollu hu kliem bla sens. Tant saru biċċiet materjali, fejn aktarx l-aqwa siwi tagħhom saru l-flus u kulma jista’ jiġi ikkwantifikat fi flus, li għandhom l-uniku rispett huwa lejn dak li jġibihom il-qligħ jew li jista’ jtellifulhom. Dan-nies m’għandhom rispett lejn xejn għajr il-materja.

Dawn huma nies perikolużi. Bħalhom hawn il-miljuni. Huma nies li n-natura, il-ħolqien, l-annimali u saħansitra l-bnedmin huma oġġetti li tista’ tużahom u tarmihom skont il-bżonn. Għalihom xejn m’għandu siwi lil hinn mill-utilità. Jaraw kollox għall-qadi, il-kundità u l-kappriċċ tal-bniedem.

Nies b’din il-mentalità jemmnu li huma s-sidien tal-univers. Jemmu li kull ħaġa li teżisti għandha tkun għall-użu tal-bniedem biex ikun dejjem aktar komdu u biex jagħmel dejjem aktar kappriċċih. Jgħidulek li xejn m’għandu siwi lil hinn mill-qies tal-bniedem; is-siwi ta’ kollox jibda u jintemm bil-bniedem.

Ruħ sabiħa

Dan-nies ma jafux japprezzaw il-ħajja. Il-ħajja f’idejhom issir mewt. Is-siwi ta’ kollox jixxejjen sal-punt tal-kruha. Id-dinja tibki f’idejn nies bħal dawn. Is-seher tal-univers, is-sbuħija tal-annimali, l-għaġeb tal-ħolqien, kollox jisfa’ mudlam fl-istima ta’ dan-nies li jaħsbu li jafu jgħixu imma li qatt ma twieldu.

Kemm hi isbaħ il-ħajja li tapprezza l-ħajja. Kemm misteri u sorpriża fiha l-ħajja għal dawk li jaraw il-ġmiel tagħha kullimkien, jgħożżuh u jqimuh. Mhux biss fl-elementi tal-ħolqien, imma wkoll fir-ruħ tal-ħxejjex u fir-ruħ tal-annimali kollha, huma jaraw in-nifs divin li jagħti l-ħajja u jqaddes kollox.

Għal min mhuwiex materjali, il-ħolqien kollu hu xbihat ta’ Ruħ waħda li timla kollox bis-sbuħija, il-qdusija u t-tjieba. Wieħed minn dawn kien sieħbi Manwel Magrin li ġie nieqes ġimgħa u nofs ilu, fit-18 ta’ Frar. Infakkru hawnhekk għax, bħal ħafna oħrajn fil-gżejjer Maltin u madwar id-dinja, ra l-wiċċ t’Alla fl-annimali kollha, li tant kien iħobb.

Infakkru hawnhekk għax Manwel, bħal dawn in-nies kollha, għallimni nara d-divin fil-ħlejjaq kollha, u l-ħlejjaq kollha fid-divin. Minn hawnhekk insellem lir-ruħ sabiħa tiegħu bħalma nsellem ukoll lil kull min jara fil-ħolqien u fl-annimali, bħalma wkoll fil-bnedmin, il-wiċċ t’Alla.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?