Żmien diffiċli


L-għeluq li sirna naraw kullimkien, b’kulħadd imsakkar ġewwa, b’kuntatt mill-anqas, jimla lil kulħadd bl-imrar u saħansitra d-dwejjaq. Hu żmien diffiċli ħafna meta l-imxija qed tbegħdna minn xulxin, imma wkoll, aktarx agħar minn hekk, qed tagħmel lil ħajjitna mnikkta.

Mhux ċajta

Ilna aktar minn sena bl-imxija Covid-19 magħna. Dejjem naħsbu li l-agħar għadda. Imma donnu issa hu l-agħar. Meta l-biċċa l-kbira tal-ħwienet magħluqin; meta l-firda hi kważi totali. Il-knejjes jonqoshom jerġgħu jagħalqu biex żgur ilkoll ninsew bl-eżistenza ta’ xulxin.

Dan kollu mhuwiex għalxejn. L-imxija mhijiex ċajta. Min diġà sfortunatament esperjenza xi mewt ta’ xi ħadd qrib tiegħu, bħalma esperjenzajt jien ukoll, allura jista’ jgħid kemm dan kollu huwa meħtieġ. Aħna uff inkella aħħ. Aħjar noqogħdu pass lura milli nagħmlu s-sitwazzjoni agħar.

Dal-għeluq ma jħobbu ħadd. Żgur li tal-ħwienet qed jarawh infern sħiħ. Imma lkoll jeħtieġ li niġbdu dal-ħabel ikreh u iebes flimkien biex inħeffu ż-żmien li jgħaddi kollox. Anqas ma hu se jkun is-sagrifiċċju, aktar se jtul daż-żmien ta’ dwejjaq u mrar.

Żmien żejjed

Il-kuraġġ jeħtieġu kulħadd. Mhux biss dawk li ġarrbu xi mewt minħabba l-imxija fil-familja tagħhom jew fost ħbiebhom kif ukoll dawk li għadhom biss spettaturi f’dit-traġedja. Il-kuraġġ jeħtieġ għax il-firda minn xulxin, l-għeluq sforzat, ir-restrizzjonijiet qawwija, dawn kollha għandhom il-ħila li jgħoddsu l-qalb u l-ispirtu aktar ’l isfel milli jkunu diġà.

Il-kuraġġ jeħtieġuh ukoll il-morda, kemm tal-ġisem u kemm tal-ispirtu. Dawn fuq kollox m’għandhomx jaqtgħu qalbhom jew jaħsbu li ħadd ma hu qed jaħseb fihom. Jien naħseb fikom ħafna, u kemm nixtieq li t-tbatija li minnha qed tgħaddu bħalissa ma tnikkitkomx iżżejjed, u ma tħallix fikom feriti wisq permanenti.

Kulħadd għaddej minn xi tbatija bħalissa. Is-sitwazzjoni hi diffiċli għal kulħadd. Imma lkoll jeħtieġ li nagħmlu kuraġġ u, jekk jista’ jkun, ma naħlux fix-xejn iż-żmien li għandna żejjed. Tassew li l-imxija tneħħilek kull ħajra li tagħmel xi ħaġa, imma l-isforz hu parti mill-ħila biex nirbħulha.

Kull bidu mitmum!

Il-kuraġġ jeħtieġ li jmur b’mod partikulari lil dawk kollha fil-qasam tas-saħħa u taż-żamma tal-ordni li ħajjithom hi fil-periklu aktar minn ta’ kulħadd. Lil dawn mhux biss nixtieq li lkoll inroddulhom ħajr tad-dedikazzjoni tagħhom, imma wkoll nassigurawhom li l-ħidma tagħhom hi ta’ ispirazzjoni għal kulħadd.

Ħadd m’għandu jaqta’ qalbu. Bil-prekawzjonijiet meħtieġa, bl-attenzjoni, bir-rispett lejn ħaddieħor, kulħadd jista’ jkun f’sigurtà ta’ saħħa kemm fiżika kif ukoll mentali. Meta nibżgħu għal xulxin inkunu qed nibżgħu għalina nfushom. Anzi, l-aqwa mod kif tibża’ għalik innifsek hija billi tibża’ għal ħaddieħor.

Lil dawn, imbagħad, li qed iweħħlu fil-gvern jew fl-awtoritajiet tas-saħħa għal kulma qed jiġrilna b’din l-imxija jien naħseb li l-ġudizzju tagħhom huma żbaljat. Dawn huma żminijiet diffiċli għax huma mingħajr preċedent. Kulħadd qed jitgħallem waqt li nimxu ’l quddiem. Billi noqogħdu nweħħlu f’dan u fl-ieħor m’aħna se nieħdu xejn.

Il-ħila ta’ kull wieħed u waħda minna li nissaportu daż-żminijiet diffiċli u nagħmlu minnhom l-aħjar li nistgħu hija fina lkoll. Jonqos biss li nsibu dik il-ħila u nħalluha tixgħel kemm għall-ġid tagħna nfusna daqskemm għal ħaddieħor.

Kuraġġ! Taqtax qalbek! Kull bidu mitmum!




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?