Annimali domestikati u nies oħra (1)


L-annimali domestikati huma dawk li ġew indorrijin jobdu. Huma l-annimali li nżommu fid-djar tagħna. Imma mhux biss. L-annimali domestikati huma l-biċċa l-kbira tagħna li darrewna nġibu ruħna sew, bil-għaqal u mingħajr ma nagħtu wisq fastidju. Madwar id-domestikazzjoni tagħna nbnew il-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet, li xogħolhom hu li jħarsu u jassiguraw l-ubbidjenza tagħna. Din hi d-dinja li trabbejna fiha u li ngħidu fiha, imma li mhuwiex meħtieġ li nibqgħu għal dejjem mgħaffġa fil-morsa tagħha.

Interessi tas-sid

Annimal domestiku hu kwalunkwe annimal li dara jġib ruħu skont ir-regoli domestiċi, jiġifieri r-regoli li jagħmillu sidu. Annimal bħal dan jidra bis-swat ikun doċli, ubbidjenti u ħaġa ħajja li ma jurta kemm jista’ jkun ftit lil sidu. Annimal domestiku huwa mħarreġ jgħix man-nies f’dar, li jħares l-interessi tagħhom, u li joqgħod f’kollox għal li jgħidu huma.

Hu x’inhu l-annimal --- qattus, kelb, serp, tigra, iljunfant --- dejjem irid jibdel in-natura tiegħu għall-interessi ta’ sidu. L-istat naturali tiegħu, li jħallih salvaġġ u inadattat għal ġo dar, imma mhux għal ġo ġungla, irid jinsih. Fl-ambjent domestiku jgħoddu r-regoli tad-dar, u dawn ma jaqblu xejn mar-regoli tan-natura. Id-domestikazzjoni tibdel in-natura u tnessiha.

Tant dan il-proċess jidħol fil-fond li l-annimali domestiċi mhux biss jinsew għal kollox l-istinti naturali tagħhom, imma saħansitra jaddottaw għalihom infushom tieni natura li tieħu post dik tal-ewwl. Dit-tieni natura tiddomina ħajjithom u l-aġir tagħhom kollu, u jibdew jaħsbu li dejjem kienet tagħhom.

Tieni natura

L-annimali domestikati jostru l-ewwel natura tagħhom, jieħu tieni natura b’kostumi, drawwiet u aġir ieħor, jemmnu li dit-tieni natura hija dik oriġinarja, u, fl-aħħar nett, jibżgħu, jekk għandhom moħħ biex jaħsbu, li mingħajr dit-tieni natura ma jistgħux jgħixu ħajjiet suriet in-nies.

Id-domestikazzjoni toħloq annimali differenti f’moħħhom u f’qalbhom. Hija teqred kulma hu naturali fihom, u tissostitwixxih b’xi ħaġa ffabrikata, ivvintata, kappriċċuża, arbitrarja u artifiċjali. Did-domestikazzjoni teqred kulma hu naturali biex floki ddaħħal kulma hu skond ma jogħġob lis-sid. Is-sid jiddeċiedi x’għandha tkun in-natura tal-annimali li jżomm fid-dar u jiddomestikahom skond kappriċċih.

Fuq kollox, is-sid jagħmilha impossibbli li l-annimali domestikati tiegħu jirribellaw. Dan ikun ifisser li jġibu ruħhom ta’ ħlejjaq mhux domestikati, u għalhekk kontra t-tieni natura tagħhom. Annimali bħal dawn, jekk qatt jirnexxielhom imorru kontra d-domestikazzjoni tagħhom, ma jibqgħux tajbin għall-ambjent domestiku, għar-regoli tad-dar, għax is-salvaġiżmu tagħhom jeskludihom, u s-sid iwarrabhom.

Ċirku vizzjuż

Kull annimal domestikat jidħol f’ċirku vizzjuż li jkun diffiċli ħafna għalih ikissru. Huwa jikseb karattru u natura domestikata li, ukoll jekk ma jkunx iridha, mingħajrha jidhirli li ma jistax jgħix. Aktar ma jiddomestika ruħu, aktar isirlu impossibbli li jeħles mid-domestikazzjoni. Ikun irid jeħles mis-sid permezz tas-sid; jeħles mid-dar permezz tad-dar.

Dan hu impossibbli għax hu kontradizzjoni. Annimal domestika jista’ jeħles biss mill-jasar tas-sid billi jakkuża id-domestikazzjoni tiegħu u jobgħod is-sid biżżejed sakemm jiċħdu. Dan jista’ jagħmlu biss billi jkun lest li jgħix il-barra mid-domestikazzjoni, itturufnat minn daru, u maqtugħ mill-kumpanija tan-nies.

Id-domestikazzjoni mhijiex biss jasar. Hi ukoll futur mitluf, u passat minsi. Madanakollu, ebda annimal ma nħoloq biex ikun domestikat. Ebda natura ma nħolqot biex tagħti posthom lil tieni waħda. Ebda ħelsien ma nħoloq biex jaqa' fil-jasar.

Li jmiss



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?