Il-festa tal-ftit


L-Għid il-Kbir, li jiġi ċċelebrat minn bosta nsara llum, sar fil-Gżejjer Maltin il-festa indifferenti tal-biċċa l-kbira, il-festa kulturali tal-ħafna, u l-festa reliġjuża tal-ftit. Dan juri l-bidliet kbar li seħħew fil-Gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar snin. Dan mhuwiex neċessarjament ħażin; u lanqas ma jista’ jkun neċessarjament tajjeb. Hu fatt. Dan hu biżżejjed biex jurina l-importanza tiegħu.

Il-fatti.

“Id-dinja hi magħmula minn fatti”, kien qal darba filosfu magħruf. Naħseb li hu minnu. Huma l-fatti li jgħoddu. Dak li ngħidu fuqhom jiġi wara. Id-dinja tal-interpretazzjonijiet tista’ tkun qarrieqa, għax tipproġetta affarijiet li ma jeżistux jekk mhux f’moħħ minn jagħmilhom. Il-fatti, min-naħa l-oħra, huma xi ħaġa li jiġu ma’ wiċċna mingħajr ma nkunu nistgħu niċħduhom.

Dan ma jfissirx li aħna, bħala bnedmin konxji tagħna nfusna, m’għandniex ninterpretaw il-fatti jew inlewnuhom. Il-fatti huma niexfa; donnhom jitolbu li nlewnuhom bit-tifsiriet tagħna. Imma rridu noqogħdu dejjem attenti li ma nibdewx inqisu t-tifsiriet aktar reali mil-fatti nfushom. Il-bażi tal-ħajja huma l-fatti; imma l-ħajja tal-fatti huma t-tifsiriet.

Ħadd m’għandu jiċħad il-fatti. Dan jidher tabilħaqq sempliċi. Imma hu rari ħafna. Ħafna niċħdu l-fatti. Ħafna jqisu l-fatti bħala fantasiji. Il-fatti m’għandu jiċħadhom ħadd; imma għandu mill-aħjar biex jifhimhom u jarahom fil-kwadru aktar wiesgħa tal-ħajja.

Il-bidla

Il-fatti juru l-bidla profonda fis-soċjetà Maltija u Għawdija li ilha ġejja sa mis-snin sittin tas-seklu l-ieħor. L-aktar katalisti, jiġifieri l-akbar kawżi, għall-bidla fostna, għall-anqas fil-bidu tagħha, kienu t-turisti li bdew jiġu fostna u l-films ta’ Holliwood. Kienu dawn li bdew jiftħu l-ewwel twieqi li minnhom daħal ir-riħ tal-bidla. Dil-bidla bdiet toħroġ lill-Maltin u l-Għawdxin mill-għeluq tagħhom u jiftħuhom għad-dinja.

Wara, fis-snin sebgħin, ġew affarijiet oħra li kkontribwew għall-bidla. Ġie t-televiżjoni, l-industrializzazzjoni u l-flus fl-idejn. Bil-mod tagħhom dawn it-tnejn taw kontribut kbir għall-bidla tas-soċjetà Maltija u Għawdxija. Il-bidla kompliet u tibqa’ tkompli, u llum qegħdin ngħixu fenomeni ġodda ta’ bidla, fosthom l-immigrazzjoni ta’ ħafna niex li twieldu f’pajjiżi oħra tad-dinja.

Il-bidla ma jista’ jwaqqafha ħadd. Hi fatt li rridu jew ma rridux jeħtieġilna li ngħixu magħha mill-aħjar li nistgħu. Jista’ bniedem jirreżistiha. Jista’ wkoll jiċħadha. Jista’ jgħid li ma teżistix. Imma tiġi xorta waħda. tiġi, u ġġorr lil kulħadd magħha.

Is-simboliżmu

Il-bidla mhijiex neċessarjament ħażina. Stat li ma jinbidilx aktarx mhuwiex ħaj; m’għandux ħajja. Il-ħajja minnha nnifisha hi bidla, adattazzjoni, alternattivi ta’ eżistenza. Dan hu s-sabiħ tagħha: ma tibqa’ qatt l-istess. Dejjem għandha l-ġdid. Dejjem toħloq.

Hekk inbidlu l-festi tagħna u jibqgħu jinbidlu. Dan aktarx ifisser li s-simboli tal-imgħoddi, is-simboli li kienu jagħmlu ċertu sens fl-imgħoddi, inbidel is-sens tagħhom. Illum għandhom sens differenti, u għalhekk valur differenti. Is-simboliżmu soċjali jibqa’ jinbidel dejjem. Dan hu d-dinamiżmu ħaj tiegħu.

L-Għid il-Kbir, jew kull festa oħra, imqar profana, inbidel is-sens tiegħu u jibqa’ jinbidel. Is-simboli l-qodma tat-tifsir tiegħu, bħal kull simboli u kull tifsir ieħor ma jiqafx jinbidel, u ħadd m’għandu jkun ibleh biżżejjed li jipprova jrażżnu, għax jitrażżan ma jistax.

Il-festi, imqar dawk reliġjużi, ma jistgħux jitilfu s-sinboliżmu tagħhom jew it-tifsiriet tagħhom; jistgħu, però, jibdluhom. Dak li huma kienu jfissru għan-nies tal-imgħoddi fil-Gżejjer Maltin ikunu jfissru xi ħaġa differenti għan-nies tal-lum u ta’ għada.

Il-festa tal-ħafna saret il-festa tal-ftit. Għada pitgħada, il-festi tal-ftit isiru l-festi tal-ħafna.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?