Annimali domestikati u nies oħra (4)


Ħafna drabi, il-kelma “edukazzjoni” flok “domestikazzjoni”. Mhux hekk għandu jkun, u lanqas ma l-edukazzjoni għandha tkun hekk dejjem. Imma llum din hi n-natura tal-edukazzjoni formali li nieħdu minn mindu nkunu żgħar. Għaldaqstant, hi għamla oħra ta’ vjolenza bil-kwiet.

Qerda

It-tagħlim taż-żgħar, kemm b’għamla informali (fil-familja, ngħidu aħna) kif ukoll formali, jiġifieri fl-iskejjel, hija xi ħaġa li s-sellieta liberali ġġieldu għaliha ħafna fid-dinja kollha. Huma fehmu, u kellhom raġun, li l-avvanż tas-soċjetà demokratika u ġusta tista’ sseħħ biss bl-edukazzjoni formali, speċjalment tat-tfal.

Imma b’“edukazzjoni” dawn aktarx qatt ma fehmu indottrinazzjoni jew domestikazzjoni. Dejjem fehmu li l-edukazzjoni formali tagħti lit-tfal u ż-żgħażagħ fiduċja fihom infushom u għodod ħalli jwettqu l-kapaċitajiet u l-abbiltajiet tagħhom. Qatt ma fehmu li l-edukazzjoni tagħmel minn kollox biex toħnoqhom, biex teqirdilhom it-tajjeb u s-sabiħ li għandhom ġo fihom, jew li toħroġ minnhom pupazzi u manikini.

L-edukazzjoni għas-sellieta liberali kollha kienet għodda ta’ ħelsien, kreattività u arti; mhux ta’ jasar, ubbidjenza u medjokrità. L-iskejjel għalihom kellhom ikunu laboratorji ta’ ħelsien fejn it-tfal u ż-żgħażagħ jiskopru l-libertajiet tagħhom u r-responsabbiltajiet tagħhom lejn l-oħrajn, lejn il-ħlejjaq ħajjin kollha u lejn id-dinja naturali.

Setgħa

Għal xi żmien hekk kien. Imma mbagħad l-iskejjel ġew dejjem u dejjem aktar taħt idejn is-setgħana u l-politiċi, u kollox ġie rrovinat. L-iskejjel saru għodda ta’ ripressjoni mill-akbar. Il-konservattiviżmu ħa l-iskejjel u biddilhom f’fabriki ta’ nies kopji ta’ xulxin. Il-liġi suprema tal-iskejjel saret, mhux il-libertà, imma l-ubbidjenza.

Illum l-iskejjel mhumiex għas-servizz tal-individwi, imma għas-servizz tas-soċjetà. Iridu jissottomettu lill-individwi għas-soċjetà; joħonquhom, jibdluha, jgħawġuhom, jagħġnuhom kemm jistgħu ħalli jġibuhom domestikati għall-aħħar ħalli jiffunzjonaw fis-soċjetà bħala entitajiet produttivi. Id-dissidenza hija għadu tal-iskejjel tal-lum; il-kreattività hija llimitata biss għal atti innoċenti li ma jibdlu xejn. Hekk ukoll l-arti; saret logħba ta’ min għandu l-flus u l-ħin x’jaħli.

L-iskejjel illum jeqirdu lill-individwi billi jdaħħluhom ġo qafas prestabbilit u ma jħallux in-natura tagħhom tiffjorixxi. L-individwi jitħallew jeżistu biss bħala snien fil-mekkaniżmu tal-Istat u l-istituzzjonijiet tiegħu. M’hemmx aktar lok għal-libertajiet li mhumiex issanzjonati mill-istituzzjonijiet. Hemm dizzjunarju li l-istituzzjonijiet ħolqu u kulħadd irid jitgħallmu bl-amment u jinterpreta lilhom infushom, il-ħajja u d-dinja skont dad-dizzjonarju.

Tbagħbis

Dan ifisser li l-iskejjel huma fost l-aktar istituzzjonijiet vjolenti, inġusti u qarrieqa li jeżistu llum f’kull soċjetà “ċivilizzata”. “Ċivilizzat” illum ifisser qerda taċ-ċittadini; tbagħbis man-natura tagħhom; ħolqien ta’ annimali sbieħ domestiċi. Jekk mhix vjolenza din, anzi l-akbar vjolenza, allura ma nafx xi tfisser vjolenza.

Il-vjolenza hi l-qerda ta’ xi ħaġa. Hekk jiġrilhom l-individwi bl-edukazzjoni u l-iskejjel tal-lum. Iqiegħdu rwieħhom taħt idejn il-kbar, u jħalluhom jeqirduhom, jibdluhom, jiddomestikawhom skont il-pjaċir u l-gosti tagħhom. Din hi vjolenza bla demm, bla storbji u bla tkissir. Hija vjolenza pulita, siekta u aljenanti. Għalhekk hi l-agħar vjolenza; vjolenza ħafna aktar insidjuża u qarrieqa minn kull għamla oħra ta’ vjolenza.

L-iskejjel kif jeżistu llum għandhom jinqerdu. Bihom m’hemmx tama li s-soċjetà tikber f’armonija mal-ġens uman u mad-dinja kollha ta’ madwarna. Il-vjolenza ġġib il-vjolenza, u dawn l-istituzzjonijiet vjolenti kulma qed jagħmlu huwa li joħolqu annimali vjolenti li, għax hum domestikati, jissoktaw fil-ħidma tal-istupraturi tagħhom.

Iċ-ċirku vizzjuż tad-domestikazzjoni jrid jitkisser biex tintradd tama lid-dinja.

 

Għal darba oħra.

 


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?