Posts

Corbyn it-tentatur

Image
Żmien l-esperiment tan-‘New Labour’ Blairjan intemm. Dam għal ftit aktar minn żewġ għexieren ta’ snin, mill-1994, jiġifieri sa minn meta Tony Blair ħa t-tmexxija tal-partit laburista Britanniku f’idejh. Minkejja li l-mudell soċjalista ċentru/xellugi se jibqa’ jgħaxxex f’pajjiżi lil hinn mill-Gran Britannja li tħajru għalih, inkluż f’Malta, il-ġirja fantasjuża u distorta tiegħu ntemmet. Hija biss kwestjoni ta’ żmien meta jispiċċa minn kullimkien. Taqliba naturali Din it-temma spettakulari għamilha possibbli Jeremy Corbyn u r-rebħa inkredibbli tiegħu fl-elezzjoni għat-tmexxija tal-partit laburista Britanniku ħmistax-il jum ilu; Corbyn l-antiteżi ta’ Blair u l-bella kumpanija kollha tiegħu; Corbyn li baqa’ jemmen fis-soċjaliżmu u l-laburiżmu mingħajr konċessjonijiet, kompromessi u skonti; Corbyn li qatt m’aċċetta t-tradimenti ta’ min irid jaqdi lil Alla u x-xitan f’ħin wieħed. Ir-rebħa ta’ Corbyn kienet hekk naturali, hekk mingħajr sforz, hekk improbabbli fil-qafas tal-operat pol...

Il-Bibbja, l-ateiżmu, l-idolatrija

Image
Ħafna huma tal-impressjoni li fil-Bibbja nistgħu nsibu xi tip ta’ oppożizzjoni bejn dawk li jemmnu u l-atej. Hija impressjoni żbaljata. L-oppożizzjoni li nsibu fil-Bibbja hija biss bejn dawk li jemmnu f’Alla l-veru u dawk li jemmnu f’allat foloz. Mhuwiex bl-ateiżmu li tippreokkupa ruħha l-Bibbja iżda bl-idolatrija. Għall-kittieba bibbliċi, kienet din (l-idolatrija) u mhux l-oħra (l-ateiżmu) l-akbar dnub u l-akbar sfida għar-reliġjon. Kankru sieket Illum donnu s-segwaċi tal-Bibbja—insara daqskemm ġudajċi—aktar huma ppreokkupati bl-atej u bl-ateiżmu milli bil-kankru sieket tal-idolatrija li għandhom fi ħdanhom. Jekk nieħu lill-insara, u partikularment lill-kattoliċi, nintebħu li, minħabba din il-ħaġa, għandhom għalfejn jippreokkupaw irwieħhom bil-kbir. Għax lanqas l-imsieħba li għadhom jattendu l-knisja xi ftit jew wisq regolari ma huma ħielsa mill-idolatrija. L-idolatrija ħafna drabi mhijiex konxja. Fis-sens li aktarx tinfiltra ruħha u tinfetta t-teoloġija ta’ dak li jkun mingħa...

Ġerarkiji u privileġġi

Image
Il-fasla kurrenti ta’ soċjetajiet bħal tagħna ħolqot xibka kbira u kumplessa ta’ servizzi pubbliċi. Dan aktarx mhuwiex ħażin fih innifsu. Ħafna nies ikollhom il-ħtieġa ta’ dawn is-servizzi u, fortunatament, jeħduhom. Iżda s-servizzi mogħtija jimplikaw ukoll skala ta’ ġerarkiji u, wisq aktar, għadd ta’ privileġġi marbuta magħhom. Aktar ma’ wieħed jew waħda jingħataw responsabbiltajiet fl-oqsma tas-servizzi pubbliċi donnu aktar jingħataw ukoll privileġġi. F’demokrazija suppost la l-ġerarkiji u la l-privileġġi m’għandhom jeżistu. Soċjetà medjevali Ħares lejn kull qasam tas-servizz pubbliku—tas-saħħa, tal-kura, tal-ġustizzja, tal-bon ordni, tal-amministrazzjoni governattiva, tal-voluntarjat u l-bqija—u tilmaħ kullimkien imperaturi żgħar li, barra li jikkmandaw, igawdu għadd ta’ privileġġi personali bħallikieku kienu xi ħaġa aħjar minn ħaddieħor. Min ma jilħaqx, privileġġi jkollu ftit li xejn. L-għoti tal-privileġġi hi aktar ħaġa tas-soċjetà medjevali milli ta’ xi waħda moderna. Il-ku...

Il-preżunzjoni tal-verità

Image
Illum kull stqarrija li tippreżumi li tistqarr il-verità hija (millanqas) issuspettata jew (millaktar) meqjusa falza. Huwa evitat kemm jista’ jkun saħansitra l-użu nnifsu tal-kelma ‘verità’. Għax fehma—qawwija kemm hi qawwija—tibqa’ dejjem eżattament hekk: fehma, opinjoni, punto di vista, perspettiva, estimu, twemmin, ġudizzju, attitudni; imma qatt fatt assolutament ċert mija fil-mija. Ferq insuperabbli Hemm ħafna u ħafna aspetti li wieħed jista’ jqis f’dan il-qasam kumpless. Bħal, ngħidu aħna (biex insemmu wieħed biss), il-fatt li hemm ferq insuperabbli bejn kull ħaġa li teżisti u l-fehma tagħna tal-affarijiet li jeżistu (bħalma jgħallmuna l-istudjużi ta’ Heiddegger). Iżda hawnhekk xtaqt niffoka biss fuq aspett wieħed partikulari: il-verità li jsostnu li għandhom it-teisti nsara (jiġifieri dawk li jemmnu f’Alla u f’Ibnu Ġesù Kristu). Dawn (it-teisti nsara) jsostnu li Alla hu l-verità assoluta u li Ġesù kien imwettaq b’din il-verità assoluta. Nuża’ hawnhekk il-kelma ‘mwettaq’ ...

Ippulizjati!

Image
‘IPPULIZJATI’. Kelma tqila. Ma ssibha f’ebda dizzjunarju tal-ilsien Malti (safejn naf jien). Lanqas bħala verb (stramb) li jiġi min-nom ‘pulizija’. Iżda t-tifsira tal-kelma teżisti tabilħaqq. U kif! Il-kelma tindika sorvelja, għassa, ħarsien, superviżjoni, viġilanza, żamma taħt l-għajnejn. Bl-Ingliż tiġi ‘policed’; bil-Franċiż ‘policée’; bl-Ispanjol ‘vigilado’; bit-Taljan ‘sorvegliato’; bil-Ġeramniż ‘überwacht’; bil-Grieg ‘αστυνομεύεται’; biċ-Ċiniż ‘维持治安’ u l-bqija. Xi jfisser ‘ippulizjati’? Aħna lkoll ninsabu ppulizjati ħafna aktar milli naħsbu jew nistħajlu. Meta ngħid li aħna ppulizjati, ma nifhimx biss li l-pulizija jidħlu f’ħafna oqsma u ħinijiet tal-ħajja tagħna. Waqt li nsuqu, ngħidu aħna, jew waqt xi laqgħa tal-massa, jew f’attivitajiet fejn jinġabru ħafna nies, jew waqt xi festa. Kieku kien hekk biss, fiha u ma fihiex. Għax il-pulizija hija meħtieġa la darba jrid ikun hemm il-bon ordni. Lanqas ma nfisser, meta ngħid li aħna ppulizjati, li aħna xi stat pulizjesk, jiġifi...

It-Tmien Kmandament

Image
It-tmien kmandament huwa ‘La tisraqx’. Il-kliem tiegħu donnu jifhmu kulħadd mingħajr diffikultà. Kulħadd jifhem li ħadd m’għandu jqis bi proprjetà tiegħu dik il-proprjetà li hi ta’ ħaddieħor. Infatti, kulħadd iqis dan il-kmandament bħala l-pilastru ewlieni tal-kunċett u l-filosofija tal-proprjetà privata. Iżda dak li ħafna ma jqisux huwa li, fil-fatt, il-kmandament ma jgħidx ‘La tisraqx’. It-traduzzjoni tal-kliem ta’ dan il-kmandament hija mbagħbsa. Il-kliem oriġinali Jekk tmur tfittex il-versjoni Lhudija oriġinali tal-Bibbja fil-Ktieb tal-Eżodu (kapitlu 20, vers 15) issib li t-tmien kmandament jgħid: ‘La tġenobx’ ; mill-għerq ‘ġanab’ . Kif tista’ tintebaħ, fortunatament il-verb jixbah ħafna l-kelma Maltija ‘iġġenneb’ , jiġifieri tqiegħed fil-ġenb, twarrab, iżżomm għalik innifsek jew tikseb b’qerq. Preċiżament, hu dan li t-tmien kmandament jgħid: ‘La ġġennibx’ , mhux la tisraqx, kif spiss jiġi tradott (ukoll minn Saydon). Kien b’dan il-verb u d-derivazzjonijiet tiegħu li l-Lhud...

Tmiem il-professjonist

Image
L-Internet għad itemm il-ħtieġa tal-professjonisti. Din naħseb li hija waħda mill-aktar effetti profondi, mifruxa u radikali ta’ dan il-mezz fenomenali ta’ qsim ta’ informazzjoni. L-effett diġà qiegħed jinħass ġmielu. Iżda nobsor li se jkompli jikber sakemm jieħu predominanza għal kollox. Il-ħolqien tal-professjonist Il-professjonisti ta’ kull qasam minn dejjem kellhom ħakma fuq l-informazzjoni. Anzi, jidhirli jien li kienet proprju din il-ħakma li ħolqot il-klassi tagħhom. L-informazzjoni speċjalizzata li huma ġabru u ħażnu ħolqithom f’dak li huma: professjonisti fis-sengħa tagħhom bl-esklużjoni ta’ kulmin dik l-informazzjoni ma kellux. Din l-esklussività ħolqot dipendenza fuq il-professjonist u, għaldaqstant, l-indispensabbiltà tiegħu. In-nies (li kienu nieqsa mill-informazzjoni) kellhom bil-fors jiddependu fuq il-professjonist sabiex jaċċessaw irwieħhom minn ċertu servizzi u, għalhekk, il-professjonist sar indispensabbli fil-ħajja tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, din id-dip...