Antropoloġija ifqar

[Jissokta minn artiklu ieħor, jekk trid]


Fi żmienna, ekkleżjoloġija maħsuba b’fasla mentali legalista (Tridentina) hi anakronista daqs antropoloġija maħsuba b’fasla oġġettivista, jiġifieri bħala oġġett, aktar milli suġġett. Ekkleżjoloġija bħal din dak li tagħmel: tqis lill-bniedem bħala oġġett ta’ liġijiet stabbiliti u duttrini immutabbli, u ma tevalwax biżżejjed is-siwi ta’ kull bniedem fih innifsu. Dan jintwera f’diversi deċiżjonijiet ta’ natura proċedurali, etika u morali li jittieħdu minn min iħaddanha.

Antropoloġija suġġettivistika

Antropoloġija suġġettivistika (jew personalistika, jekk trid) hija dik żviluppata filosofikament u teoloġikament wara r-riflessjonijiet ta’ Immanuel Kant (fis-seklu 18). Flimkien ma’ dak spiritwali, (ontoloġikament) hija tagħti siwi qawwi lill-qasam materjali tal-bniedem. Twieżnu mhux sempliċiment bħala duwalità (ta’ ġisem u ruħ), imma fit-totalità tiegħu (b’mod sħiħ jew ħolistiku).

Hija antropoloġija li (mil-lat soċjoloġiku) ma tqisx lill-bnedmin sempliċiment bħala għamliet differenti ta’ forma waħda, b’mod xi ftit jew wisq sterjotipiku. Kull bniedem, bħala suġġett individwali, hu uniku u irrepetibbli; għandu l-kwalitajiet distinti u speċifiċi tiegħu; jistħoqqlu attenzjoni singula u separata. F’dan is-sens, is-soċjetà—kull soċjetà, inkluż il-Knisja—mhijiex primarjament kollettività daqskemm unità ta’ individwi.

Antropoloġija suġġettivistika ma tqis lill-bniedem bħala l-quċċata tal-ħolqien u, għaldaqstant, sid tal-ħolqien (inkluż tal-annimali l-oħra u tal-ambjent naturali). Tqisu, pjuttost, bħala parti mill-ħolqien; bħala ħlieqa li, bħall-ferħ tagħha (u fi sħubija mal-pjan divin), trid tgħix f’armonija mal-ħolqien f’rispett sħiħ mal-fasla naturali.

Il-preżenza tal-grazzja

Mil-lat politiku, din l-antropoloġija suġġettivistika ma tqis lill-bniedem bħala riċevitur tal-ħidma tal-istituzzjonijiet, imma, pjuttost, bħala parteċipant primarju fihom. Fi kliem differenti, minn dan il-lat il-bniedem mhuwiex oġġett li jobdi u jsegwi, imma suġġett li jikkontribwixxi u joħloq.

Fl-aspett spiritwali tagħha, antropoloġija bħal din ma tistħajjilx ferq nett bejn ir-reliġjuż u s-sekulari; bejn is-sagru u l-profan. B’applikazzjoni tat-twemmin (nisrani) tal-Inkarnazzjoni divina, hija tilmaħ għaqda sħiħa bejn it-tnejn. Xejn ma hu irreliġjuż, għajr id-dnub, u xejn ma hu sagru biss. Is-sagru hu sekulari, u s-sekulari sagru.

Dan jgħodd għal kull aspett tal-ħajja naturali u, partikularment, għall-ħajja umana, inkluż l-imħabba, ir-relazzjonijiet inter-personali u inter-suġġettivistiċi, ix-xogħol manwali, il-ħidma pubblika u l-bqija. Tradotta teoloġikament, din timplika li l-grazzja divina mhijiex xi ħaġa tar-ruħ biss, imma wkoll tal-ġisem; mhijiex marbuta ma’ dak li hu reliġjuż jew spiritwali biss, imma wkoll ma’ kull ħidma u sentiment uman.

Rieda għat-tiġdid

Antropoloġija oġġettivistika li tirriżulta minn kunċett ekkleżjoloġiku Tridentin ma tistax twieżen biżżejjed, la l-ekonomija tas-salvazzjoni (għax tirrendiha għal proċess sempliċiment legalistiku u mekkaniku), u lanqas is-siwi tal-esperjenza rikka umana fil-varjetà kollha tagħha. Għaldaqstant, tiċħad li tirrikonoxxi l-preżenza tal-grazzja divina f’oqsma li hi tqis purament sekulari jew profani.

B’hekk issir aktar arma ta’ esklużjoni milli għodda ta’ inklużjoni u parteċipazzjoni, bħalma, proprjament, għandha tkun il-Knisja f’xebh ma’ Ġesù, ir-ras u l-ġisem tagħha. Issir aktar arma ta’ firda u ta’ telfien milli għodda ta’ unifikazzjoni u ta’ redenzjoni.

Biex nagħlaq dan li fissirt fi ftit kliem ta’ malajr, jekk il-Knisja fil-gżejjer Maltin tista’ xi darba tkun f’pożizzjoni li ġġedded lilha nnifisha, jeħteġilha—bil-grazzja ta’ Alla u bir-rieda ta’ min imexxiha—tieħu l-inkarigu impellattiv li tirrevedi serjament u profondament l-ekkleżjoloġija u l-antropoloġija li tħaddan (l-ewwel nett fil-kleru tagħha).

Jekk dan ma jsirx, tkun qed tagħmilha prattikment impossibbli għaliha nnifisha li timxi mal-pass tad-dinja moderna. Mhijiex, għaldaqstant, kwestjoni li tibdel xi duttrina tagħha—xejn minn dan—imma li tevalwa l-istess duttrina b’mod ieħor, f’sinkronija mal-ħsieb u l-esperjenza tal-bniedem tallum.






Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?