In-Nasseriżmu bħala għajn tal-ħsieb politiku ta’ Mintoff

Mintoff ma waqax mis-sema. Kien hemm diversi kuntesti u bosta għejun għall-ħsibijietu u għall-personalità kumplessa tiegħu. Hawnhekk ma rridx intawwal wisq fuq xi waħda minnhom. Xtaqt biss insemmihom biex naħsbu ftit fuqhom u biex jgħinuna ħalli nibdew inwessgħu daqsxejn il-perspettiva li jista’ jkollna tal-Perit. Niftaħ biss fuq waħda minn dawn l-għejun. Qabel xejn, nibda biex insemmi għadd ta’ għejun ewlenin li jidhirli huma relevanti għat-tiswir tal-personalità u l-ħsibijiet tal-Perit Mintoff. Dawn li se nsemmi jistgħu ma jkunux l-uniċi għejun tiegħu, iżda aktarx huma l-ewlenin. L-għejun minuri għalissa mhu se nsemmihom xejn. L-ewwel, jidhirli li hemm mill-anqas tliet għejun ewlenin li, b’modi u intensitajiet differenti, sawru l-ħsieb u l-personalità bikrin ta’ Mintoff. Dawn huma: Ommu, Il-familja ta’ missieru u It-tabib Pawlu Boffa. Dawn l-influwenzi jidhru li kienu determinanti, f’din l-ordni li semmejthom, għal dak li l-Perit Mintoff kellu jkun, kemm personalment u k...