Iċ-ċkejken u ż-żgħir

Hawn ħafna affarijiet ċkejknin, imma xejn żgħir. Din id-differenza bejn iċ-ċkejken u ż-żgħir bosta minna jinsewha jew jagħżlu li jinjorawha. Jagħmel sewwa kulħadd li jżommha f’moħħu għax, bi tfixkil bejn il-waħda u l-oħra, bniedem għandu mnejn jonqos mir-rispett li jmissu jagħti lil ħaddieħor jew imqar lilu nnifsu. Xejn m’hawn żgħir, ukoll jekk ċkejken. Iċ-ċkejken mhux żgħir Meta, f’relazzjoni maż-żgħir, ngħidu li xi ħaġa hi ċkejkna nkunu aktarx qed nirreferu għall-qies tagħha. Iċ-ċkejken hu terminu marbut ma’ tul, wisgħa, fond, piż, volum u affarijiet bħal dawn ta’ natura kwantitattiva. Huma affarijiet li jistgħu jitkejlu jew ukoll jintiżnu, affarijiet li jistgħu jiżdiedu jew jitnaqqsu. Ngħidu aħna, nirreferu għal nemla bħal ċkejkna, jew ċippa ta’ apparat elettroniku, jew żrara, jew bebbuxu. Dawn huma affarijiet li nsejħulhom ċkejknin għax il-qies tagħhom mhuwiex kbir. Id-dinja wkoll hi ċkejkna meta mqabbla mal-qies tax-xemx jew il-qies ta’ Saturnu. Nista’ ngħid li għandi bir ...