It-telqa tas-sajf

Xi wħud għamlu filosofija sħiħa mill-pessimiżmu. Dan is-sentiment, li dejjem iħares lejn l-agħar aspett tal-affarijiet jew jemmen li fil-ħajja jiġru, jew jistgħu jiġru, l-agħar affarijiet, aktarx jitnissel minn telqa psikoloġika u affettiva qawwija li jaħdem ir-ruħ minħabba esperjenzi xejn sbieħ li ġġarrab. It-tfittxija L-esperjenzi xejn sbieħ jiġru lil kulħadd. Għandu mnejn xi wħud jintlaqtu agħar minn ħaddieħor, u x-xorti tagħtihom fuq wiċċhom sa minn kmieni u xi kultant donnha ma titlaqhomx. Madankollu, l-esperjenzi weħedhom aktarx m’humiex biżżejjed biex iferu r-ruħ b’mod permanenti u jivvalenawha b’niket li qisu ma jehda qatt. L-esperjenzi huma determinanti, bla dubju, iżda magħhom bniedem iżid ċertu telqa li ġġiegħlu jara lilu nnifsu, u saħansitra lill-ħajja kollha, dejjem bħala vittma ta’ ċirkustanzi, nies u avvenimenti li ħadd ma jista’ jevita. Minn hawn jiġi l-pessimiżmu li jonqos mill-fiduċja jew it-tama fil-ġejjieni. F’xi waqt jew ieħor, kulħadd iġarrab l-inevitabb...