L-ambjent ta’ suspett

Daż-żmien sirt tiltaqa’ ma’ bosta nies li, malli jaqbduha fuq il-politika, tarahom li nxteħtu għal rashom f’baħar ta’ suspetti. Ħafna drabi ssib li dawn in-nies jirrepetu mingħajr wisq ħsieb kantalieni li ħaddieħor ikun qalhom aktar minn darba bi skop politiku, proprju biex jitfa’ l-ħatab fin-nar u jkompli jħeġġeġ ambjent ta’ suspett li ma jikseb xejn, anzi, isewwed il-qlub u jħawwad l-imħuħ. Tajjeb li tistaqsi Li wieħed jikkwestjona dak li ħaddieħor jgħidlu m’hijiex xi ħaġa ħażina. Il-mistoqsijiet dejjem wasslu għall-informazzjoni u saħansitra għat-tagħlim. Bniedem li jistaqsi huwa bniedem li jitgħallem. Mhux biss. Huwa bniedem li ma jħallix l-għajdut jiġri bih jew l-apparenzi li jqarrquh. Tajjeb li tistaqsi: staqsi dejjem! Madanakollu, waqt li wieħed jistaqsi u jikkwestjona m’għandux jagħti widen għal kull tweġiba li tingħatalu, speċjalment mingħand dawk li l-intenzjoni tagħhom m’hijiex li jgħallmuh jew jgħarrfuh, iżda li jħawduh jew, li hu agħar, li jiksbu vantaġġ politiku m...