Il-maskra ta’ Momu

Momu kien l-isem li fil-mitoloija tagħhom il-Griegi tal-qedem taw liċ-ċensura, li kienet dejjem marbuta mal-kritika inġusta. Imma l-inġust minn dejjem ġie definit minn min jippreżumi li jaf x’inhu l-ġust, u l-ġust minn dejjem ġie definit minn min għandu s-setgħa tal-kelma u l-espressjoni. Għaldaqstant, Momu ma kienx jinġieb mill-allat minħabba lsienu. Momu ma kienx jemmen f’maskri, la ma’ wiċċu u lanqas ma’ wiċċ ħaddieħor. Maskri mneħħija Il-mitoloġija hija għamla ta’ diskors. Jissejħu allat dawk il-kwalitajiet li l-bniedem għaraf madwaru u fih innifsu. Lil dawn tahom wiċċ biex jitħaddet fuqhom b’aktar faċilità u kunfidenza. Sawwarhom f’allat minħabba li l-bniedem żammhom bħala xi ħaġa ’l barra minnu għalkemm kien jaf tajjeb li ma kinux. Il-mitoloġija hi għamla ta’ diskors li ddur dawra mal-bniedem bil-kwalitajiet sbieħ u koroh tiegħu. Fost l-istejjer marbuta ma’ Momu hemm waħda ħelwa. Darba waħda, dan Momu ġie mitlub jgħid x’jaħseb fuq il-ħlejjaq ta’ Żew, l-alla tal-allat, t’A...