Il-blogiżmu rieqed

Il-blogiżmu huwa fenomenu ta’ żmienna li beda fuq l-Internet fit-tmeninijiet tas-seklu l-ieħor. Fil-Gżejjer Maltin hu aktar riċenti minn hekk. Il-firxa u l-popolarità tiegħu huma bla qies u għandhom sehem importanti fil-kultura tal-pajjiżi li għandhom soprastruttura teknoloġika. Madanakollu, f’pajjiżna jidher li għadu mhuwiex qed jagħti l-aqwa li jista’ Ġurnali ħajjin Jissejjaħ ‘blog’ kwalukwe sit jew paġna fuq l-Internet li jikkonsistu f’għadd ta’ kontribuzzjonijiet, aktarx kitbiet, tipikament irranġati f’ordni kronoloġiku maqlub. B’hekk, l-iġded kontribuzzjonijiet jidhru l-aktar ’il fuq, u l-eqdem l-aktar ’l isfel. Ġieli l-kontribuzzjonijiet jiġu miżjuda b’tagħrif ġdid mill-awturi tagħhom jew ukoll mill-qarrejja. Il-blog jista’ jinkludi wkoll diskussjonijiet sħaħ. Dal-kontribuzzjonijiet kollha jsawru speċi ta’ ġurnal ħaj. Infatti, il-kelma ‘blog’ tiġi mit-terminu ‘weblog’, li tfisser ġurnal tax-xibka elettronika. Il-blogijiet huma magħrufa għall-ħeffa li biha jinbidlu, għall-...