Ir-rebħa tax-xellug

L-elezzjonijiet Ewropej li saru l-bieraħ taw tweġiba ċara lil dawk kollha li bassru li x-xellug kien dieħel għal daqqa ta’ ħarta kbira. Did-daqqa ta’ ħarta ma ħadiex. Seta’ mar aħjar, tabilħaqq, imma b’daqshekk ma jfissirx li għamel xi disfatta. Bil-kontra ngħid. Ngħid li x-xellug għamel rebħa fuq il-kruha tal-lemin estrem li hedded liċ-ċiviltà Ewropea kollha. L-agħar theddida Dawn kienu elezzjonijiet li aktarx, għall-ewwel darba minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, il-lemin estrem—jew, biex insejħulu b’ismu, il-faxxiżmu—reġa’ għolla rasu tant li donnu stħajjel li għandu s-sopravent. Il-faxxiżmu f’kull pajjiż ippretendih dan, inkluż fil-Gżejjer Maltin. Minkejja din l-arja li rabba f’dawn l-aħħar snin, arja li biha ried li jbeżża’ lil kulħadd, il-faxxiżmu xorta waħda wera li m’għandux l-appoġġ tal-popli Ewropej. Dawk li jagħtuh appoġġ jaraw fih xi għamla ta’ soluzzjoni salvaġġa għall-problemi li jeżistu, imma das-soluzzjonijiet ma jemminx fihom min jara aktar fit-tul. Il-...