It-traġedja tar-refuġjat

Il-politika tal-President Amerika Trump li jsaħħaħ l-isforzi biex anqas u anqas refuġjati jidħlu l-Istati Uniti kabbret it-traġedja umana fl-Amerika Latina kollha, iżda wkoll reġgħet tellgħet għall-attenzjoni tad-dinja t-traġedja tar-refuġjat kullimkien fid-dinja. Fil-Mediterran daqskemm fl-ibħra ta’ Arafura u Timor fit-tramuntana tal-Awstralja, kif ukoll fuq l-art fil-kontinenti kollha, dit-traġedja tissokta waqt li l-bniedem jagħmel dak li dejjem għamel: jivvjaġġa. L-isfida dinjija Xi wħud jgħidu li aktarx il-bniedem, bħal kull annimal ieħor, qatt ma kellu jibqa’ marbut ma’ post wieħed biss għal ħajtu kollha. Minn dejjem ried jivvjaġġa; jimxi minn post għall-ieħor; jgħix f’ambjenti differenti. Malli qagħad f’post wieħed, malli beda jibni l-bliet, hemmhekk beda l-inkwiet. Ġew il-liġijiet li ma jħalluhx jivvjaġġa, u ġiet ukoll l-isfida għal dawk il-liġijiet. Sal-lum dil-isfida ma waqfet qatt. Kullimkien fid-dinja, minn fuq ibħra, muntanji, deżerti u xmajjar, il-bniedem jibqa’ j...