Il-jien u l-aħna

Illum kollox donnu sar jiffoka fuq il-‘jien’. Is-siwi tal-‘aħna’ qisu ntemm jew intilef. Il-‘jien’ isus fuq l-individwu. L-‘aħna’ fuq il-kollettiv. Qabel jidher li kien hemm tisħiq biss fuq l-‘aħna’. Issa, minn estrem morna għal ieħor: it-tisħiq huwa kollu kemm hu fuq il-‘jien’. Is-sabiħ tal-ħajja umana, aktarx, la hija l-jien biss u lanqas l-aħna biss; hija t-tnejn flimkien b’qima ta’ xulxin. Il-‘aħna’ Dari l-individwi kienu jiġu ssagrifikati għall-kollettiv. Il-kollettiv, jiġifieri s-soċjetà, il-familja, ir-raħal, il-knisja u kull għaqda oħra li tiġbor il-bnedmin, kien abbużat. Dan għax il-kollettiv kien jitqies qisu kien xi ħaġa assoluta, xi ħaġa li kull individwu jeħtieġ li joqgħod għalih. Kull individwalità kienet mistennija li tisparixxi u tieħu postha mal-kollettiv. Kien il-kollettiv li jagħti l-identità lil kull individwu. Għalhekk, ebda individwu ma kellu l-jedd li jeżisti għalih innifsu jew għalih waħdu. Kulħadd kellu sehemu u postu, kulħadd kellu l-identità tiegħu, f...