It-tifel li ħadd ma riedu

Kont mort l-istitut għal ħaġa oħra. Mhux biex nara t-tfal. Għal xi qadja ta’ malajr. Ma niftakarx x’kienet. Naf li paspast f’rasi li nidħol, ngħid li kelli ngħid, nitlaq. Daqshekk. Imma kif kont qed inkellem lis-soru, ġew erba’ żrameċ jiddendlu ma’ djulha, b’wiċċ il-ħlewwa ta’ bettieħa, b’daħka daqs il-fetħa tal-port il-kbir, b’għajnejn daqs qmura ... Dobt. X’ma ddubx, ma ddubx! Imma qalbi ngħasret. Dat-tfal Alla biss jaf, u s-soru, minn xiex diġà għaddew f’ħajjithom. Għadhom lanqas biss jidhru u diġà qalgħu daqqiet ta’ ħarta biżżejjed għal għomorhom kollu. Qatt ma fhimtha din li xi ħadd jista’ jwarrab lil uliedu. Jew lil xi tifel jew tifla, ikunu min ikunu, wara kollox. Qatt ma fhimtha u nibqa’ ma nifhimhiex. “Dawn jibqgħu hawn għall-Milied, sor?” staqsejt jien biex ngħid xi ħaġa. “Ħafna minnhom imorru ma’ xi ħadd tal-familja tagħhom,” weġbitni. “Il-bqija jeħduhom xi voluntiera.” “Mela intom tistrieħu ftit, sor, eh?” żidtilha. “Mhux għal kollox,” xeħtitli. “Għala, sor? Ibe...