Pożittività

Il-ftuħ tal-attivitajiet il-ġimgħa li għaddiet marbuta mal-Belt Valletta bħala waħda miż-żewġ Bliet Kulturali tal-Unjoni Ewropea għall-2018, flimkien mal-ftuħ ta’ attivitajiet oħra li qed isiru fl-Olanda, fil-belt ta’ Leeuwarden, f’dawn il-jiem, jibgħat messaġġ qawwi ta’ pożittività li lkoll kemm aħna neħtieġu l-ħin kollu, iżda aktar f’dan iż-żmien f’pajiżna meta l-‘ħabbara tan-negattività’ jridu jtammbru f’widnejna il-qtigħ il-qalb u l-biża’. Is-sabiħ tal-ħajja Il-belt ta’ Leeuwarden hija l-kaptiali provinċjali tal-Istati ta’ Friesland, fl-Olanda, u tħaddan aktar minn 108 elf ruħ. It-tema ewlenija magħżula għal dis-sena speċjali għal din il-belt hija “Lepen Mienskip”, li tfisser “sens miftuħ ta’ kommunità”. Flimkien mat-tema ewlenija tal-Belt Valletta, li hija ċ-ċelebrazzjoni tal-wirt kulturali, it-temi ewlenin ifakkruna fis-sabiħ tal-ħajja meta mgħajxa b’pożittività. Din il-kelma, “pożittività”, tindika attitudni ottimistika li tagħżel li tħares aktar lejn is-sabiħ tal-ħajja ...