L-ilsien Malti f’era diġitali

Artiklu li kiteb il-Ministru Evarist Bartolo lejn il-bidu tas-sena ġibed l-attenzjoni fuq rapport li kien ħareġ fl-2012 fuq l-ilsna dinjija fl-era diġitali. Ir-rapport kien sar fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Ilsna li jiġi mfakkar f’Settembru. Għal dar-rapport ġew mistħarrġa 30 ilsien Ewropew, fosthom il-Malti, biex jiġi magħruf xortihom fl-era diġitali. Dak li ntqal dwar l-ilsien Malti ma kienx sabiħ. Id-dinja diġitali Ir-rapport, imħejji minn madwar 200 espert u ddokumentat fi 30 volum, sar minn ġemgħa ta’ 60 ċentru ta’ riċerka mifruxa fi 34 pajjiż differenti. L-istudju tagħhom stħarreġ kemm kellhom appoġġ teknoloġiku bosta ilsna Ewropej. Dal-appoġġ li hu meqjus assolutament meħtieġ fl-era diġitali li qed ngħixu fih biex l-ilsna ma jiddgħajfux jew saħansitra ma jinqerdux għal kollox. L-istudju stħarreġ erba’ oqsma ewlenin: it-traduzzjoni awtomatika, l-interazzjoni tad-diskors, l-analiżi tal-kitba u l-aċċessibbiltà għal riżorsi lingwistiċi. Il-programmi teknoloġiċi jintużaw, ...