Mard ieħor

Bħalissa kulħadd moħħu fuq il-Coronavirus, u bir-raġun. Dil-pesta aktarx trid issir agħar qabel ma ssir aħjar, u lkoll kemm aħna ma nistgħux ma nħarsux saħħitna u saħħet ħaddieħor biżżejjed minnha. Madanakollu, hemm mard ieħor li joqtolna ftit ftit kuljum u ninsewh jew ninjorawh. Dan ukoll irridu nħarsu rwieħna minnu. Biża’ ġustifikata Li l-Coronavirus tista’ tkun qerrieda ma jidhirx li jista’ jkun hemm dubju fuqha. Fil-fatt, l-imwiet s’issa għadhom tilgħin u ma jidhirx li hemm fil-qrib waqfien żgur għalihom. Dil-pesta toqtol in-nies. Dan jafu kulħadd. Għalhekk kulħadd qed ifittex li jħares lilu nnifsu u lil ħaddieħor minnu. Fi żmien ieħor, eżattament fl-1918, il-bużnanniet tagħna kienu jiftakru l-“Ispanjola”, influwenza qerrieda li ħadet magħha mal-50 miljun ruħ mid-dinja kollha. Fil-Gżejjer Maltin kien mardu bejn 20,000 u 50,000 ruħ. L-imwiet kienu madwar 1,000 ruħ, b’mija minnhom f’Għawdex biss. Dawn l-epidemiji ħadd ma jaf eżattament kif u għala jibdew. Lanqas kif eżattam...