Il-bniedem t’għada

Kull bniedem li hu parti minn soċjetà, li jagħti sehem fil-ħajja ta’ dik is-soċjetà, u li jemmen fil-futur tagħha, jista’ jissejjaħ “bniedem t’għada”. Dan ifisser li s-soċjetà għandha mill-ħajja ta’ dal-bniedem daqskemm hu fih għandu mill-ħajja tas-soċjetà li jagħmel parti minnha. It-tnejn jagħtu l-ħajja lil xulxin; it-tnejn jistgħu jkabbru u jgħinu lil xulxin daqskemm jistgħu jfixklu u jweġġgħu lil xulxin. Kontribuzzjonijiet Ħa nibda minn dal-ħsieb tal-aħħar. Għax ħafna nies, għalkemm huma parti mis-soċjetajiet tagħhom, jixtiequ li ma jkunx hekk. Jixtiequ jitilquhom. Iħossu li s-soċjetà toħnoqhom, ma tifhimhomx. Iħossuhom aktar mifrudin mis-soċjetà milli parti minnha. Dan-nies, mhux biss ma nħossux li jikkontribwixxu lis-soċjetà, jew li għandhom jikkontribwixxu, imma saħansitra jħossu li s-soċjetà ma tikkontribuwixxi xejn lilhom. Dawn huma sentimenti mifruxin ħafna u wieħed jista’ jifhimhom. Mhumiex sentimenti superfiċjali jew azzardati. Huma sentimenti sinċiera li jistħoqqilhom...