Id-dimensjoni tar-rispett

F’dinja fejn ilkoll kemm aħna niġu mħeġġin naqdfu u nirnexxu, valur bħal dak tal-imħabba jiġi limitat għal ċirkli personali biss. Min-naħa l-oħra, valur bħar-rispett jikseb dimensjonijiet aktar wiesa’ u universali. Fi kliem ieħor, tista’ ma tħossokx komdu jew komda tgħid li tħobb lil ħaddieħor, imma li tirrispettahom iva. Fejn hemm nuqqas t’imħabba għall-anqas għandu jsaltan ir-rispett. Dak li jiswa għalina Nitkellmu fuq valuri meta rridu nirreferu għal affarijiet li għandhom xi siwi għalina. Il-valur hu kemm jiswew l-affarijiet, in-nies, l-azzjonijiet jew is-sentimenti għalina. Dik li spiss tissejjaħ il-lista tal-valuri hija l-iskala li għandna f’moħħna u f’qalbna ta’ x’jiswa aktar jew anqas għalina personalment u bħala soċjetà. Is-soċjetà li aħna ngħixu fiha llum, imdakkra ħafna mill-għajxien tan-nies ta’ barra, l-aktar fl-Ewropa u l-Amerika, żiedet is-siwi li aħna nagħtu lil affarijiet li jorbtu mal-individwalità tagħna. Il-jeddijiet tagħna personali b’mod ġenerali, ngħidu a...