Nies differenti u ġawhar oħra

Kemm nies jitwarrbu minħabba li ħaddieħor jarhom differenti! Kemm nies jitwarrbu għax jaraw lilhom infushom differenti! Id-differenza mhijiex diżunur. Is-sbuħija tad-differenza hija unika. Minħabba fiha ħadd m’għandu jħossu ikreh jew mistmerr. X’ħasra meta jiġri hekk! Xi dnub! Ħafna drabi huma mill-isbaħ in-nies li huma differenti! Aktarx huma ta’ min jgħożżhom aktar minn oħrajn. Ħafna raġunijiet Xi nies huma differenti minn ħaddieħor għax ma jimxux mad-drawwiet u l-gosti tal-biċċa l-kbira tan-nies ta’ madwarhom. Dan-nies jaqtgħu trejqa għalihom. Għandhom il-gosti tagħhom. Għandhom id-drawwiet tagħhom. Aktarx ma jħobbux dawk l-affarijiet li jagħtu pjaċir lill-massa. Ħafna minnhom ma jogħġobhomx dik il-moda li togħġob lill-bqija tan-nies. Jista’ jkun hemm ħafna raġunijiet li jagħmlu lil xi wħud differenti minn ħaddieħor. Ma nsemmi xejn għax jistgħu jkunu minn kollox. Madanakollu, huma x’inhuma dar-raġunijiet aktarx dejjem jgħalqu lill-persuna fiha nnifisha jew iġġegħluha tgħix f’dinja t...