Min pinġa l-“Covid-19”?

Ilkoll kemm aħna sirna mdorrijin b’dik il-ħaġa ħadra tonda tonda li minnha qishom ħerġin trombetti ħomor li kulħadd isejjaħ Coronavirus jew Covid-19. Dix-xbieha ilha issa magħna madwar sena u kulħadd draha. Malli narawha, mill-ewwel nintebħu x’inhi. Mela għandek tkun taf li din hi xbieha maħluqa li ma teżistix fir-realtà. Min pinġiha? Għala? Alissa Eckert Ix-xbieha tal-Coronavirus hija ħlieqa magħmula fil-bidu ta’ dis-sena minn Alissa Eckert, illustrattriċi medika li hija waħda mill-ħdax-il elf ħaddiem fiċ-Ċentri għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard mifruxa mal-Istati Uniti tal-Amerika. F’Jannar ta’ dis-sena, hija kienet ħadet telefonata minn ta’ fuqha li qaltilha li kien hemm imxija ġdida fid-dinja u li kienet perikoluża ħafna. Eckert kienet taf mill-ewwel x’kellha tagħmel. Bħala artista esperta fix-xjenzi u l-komunikazzjoni, kellha toħloq tpinġija tridimensjonali (3D) tal-vajrus mir-ritratti li tawha. Għalhekk, minnufih sejħet lill-kollegi tagħha, fosthom Dan Higgins, u flim...