Tmiem ta’ vjaġġ, bidu ta’ ieħor
Meta taqra dan il-kliem, jien inkun diġà aktar minn għaxart elef kilometru l-bogħod mill-Gżejjer Maltin. Inkun fil-Perù, l-Amerika Latina, fejn mort biex inqatta’ ftit taż-żmien. Għalhekk, din hi għalissa l-aħħar darba li se tara xi kitba tiegħi fil-ġurnali, għall-anqas minn dawk li ktibt qabel it-tluq. Mill-Perù nittama li nitgħallem dak li għadni ma nafx. Esperjenza sabiħa Ili mat-tmienja u għoxrin sena nikteb kull nhar ta’ Ħadd f’dil-gazzetta mingħajr qtugħ. Kont fil-bidu taż-żmien li qattajt il-Kottonera meta l-editur ta’ dak iż-żmien, Alfred Briffa, stedinni biex nibda nikteb kull ġimgħa. Jien aċċettajt mingħajr qatt ma bsart li din l-esperjenza, għat-tajjeb jew għall-ħażin, kienet se ddum daqshekk. Kienet esperjenza sabiħa ħafna għalija li biha kont f’komunikazzjoni kontinwa ma’ nies li jħobbu lil pajjiżhom u jixtiqulu l-ġid. Wara das-snin kollha, din l-esperjenza issa waslet fi tmiemha llum. Il-Perù, fejn qiegħed, mhuwiex probabbli li jkolli l-ħin, il-mezzi u l-aptit li ni